Interrogazzjoni rrekkordjata ta’ wieħed mill-assassini fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għandu jiġi esebit fi proċeduri kontra l-allegati fornituri tal-bomba. Ir-reġistrazzjoni se tkun ċensurata fejn is-suġġett jiżvela informazzjoni sensittiva dwar investigazzjoni li għaddejja dwar reat ta’ portata kbira separat.
Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ppresediet is-seduta tal-Ġimgħa fil-kumpilazzjoni tal-provi kontra l-aħwa Tal-Maksar Robert u Adrian Agius, kif ukoll Jamie Vella u George Degiorgio, li reġgħet infetħet sabiex ikunu jistgħu jiġu esebiti l-filmati tal-interrogazzjoni.
L-irġiel qed jaffaċċjaw akkużi relatati mal-qtil separat tal-avukat Carmel Chircop u l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Flimkien mal-motivi preliminari tagħha, id-difiża kienet ressqet talba separata lill-Qorti Kriminali, fejn talbitha tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-kumpilazzjoni tal-provi, wara li ġie nnutat li r-recordings ma kinux esebiti waqt l-inkjesta maġisterjali.
L-istqarrija inkwistjoni hu mifhum li ħarġet minn Vincent Muscat “Il-Koħħu” bħala parti mill-offertà bla suċċess tiegħu għall-maħfra Presidenzjali. Meta bdiet is-seduta fil-kumpilazzjoni tal-provi li għadha kif infetħet mill-ġdid, il-Maġistrat Farrugia Frendo nnutat li l-ordni tal-Qorti Kriminali, li bagħtet l-atti lura lill-Qorti tal-Maġistrati kienet inħarġet fid-29 ta’ Marzu, iżda li l-fajl tal-kawża kien biss mgħoddi lilha l-ġimgħa li għaddiet, minħabba żball amministrattiv minn naħa tal-Qorti.
Il-Maġistrat ħatet espert biex jeżamina l-erba’ DVDs u “jneħħi dawk il-partijiet fejn il-persuna li tkun qed tiġi interrogata tagħmel referenza għal fatti li m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-mertu ta’ dan il-każ.” Il-kontenut tad-DVDs se jiġi traskritt u esebit ukoll flimkien man-noti meħuda waqt l-interrogazzjoni mis-Supretendent Keith Arnaud.
L-Ispettur Shawn Pawney qed imexxi l-prosekuzzjoni, assistit mill-avukati Anthony Vella u Godwin Cini mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati Alfred Abela u Rene Darmanin qed jirrappreżentaw lil Adrian Agius, Robert Agius. Abela assista wkoll lil Jamie Vella għal din is-seduta, flimkien mal-avukat Ishmael Psaila. L-avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri qed jirrappreżentaw lil Degiorgio fil-proċeduri. Għall-parte civile deher l-Avukat Jason Azzopardi.
//= $special ?>