Futbol Sport

Santa Lucia jserrħu rashom minn post fil-Kampjonat Premier fl-ewwel taqsima

SANTA LUCIA……………………..2

ŻEJTUN CORINTHIANS……..0

Santa Lucia: M. C. Cremona, M. Vella, N. Pulis, R. Bairam (L. Mc Kay 90′), K. Nwoko (J. Carbone 90′), L. Ayad (E. Camilleri 90′), J. Tanti (S. Mizzi 65′), D. Xuereb, J. Pisani, R. Soares, R. Hehedosh (F. Farias 77′).

Żejtun Corinthians: C. Farrugia, N. Ghio, C. Borg, R. Fenech (D. Tabone 90′), J. Brincat (K. Farrugia 83′), A. Oularbi, N. Spiteri (C. Buttigieg 90′), J. A. Yepez, K. Attard (K. Scerri 72′), R. De Fex, D. Xuereb (C. Chun 90′).

Skorjaw: K. Nwoko 2′, R. Hehedosh 16′ (Sl)

Imwissija: R. Bairam 73 (Sl), D. Xuereb 49′ (Ż)

Referee: Fyodor Zammit

Assistenti Referees: Duncan Spencer u Thomas Debono

B’żewġ gowls fl-ewwel kwarta logħob, Santa Lucia kkonfermaw posthom fl-ogħla diviżjoni, meta fil-play off għelbu lit-tim taċ-Challenge League Żejtun Corinthians 2-0. Wara l-gowls Santa Lucia amministraw tajjeb il-partita u l-isforzi limitati taż-Żwieten kienu kollha għal xejn bl-iskor jibqa’ ma jinbidilx sat-tisfira finali.

Għaddew biss żewġ minuti u s-Saints fetħu l-iskor meta kien korner mogħti minn Hehedosh li sab lill-internazzjonali Malti Kyrian Nwoko li b’xutt mill-ewwel tefa’ wara Farrugia.

Mal-kwarta logħob skorruti, it-tim immexxi minn Enzo Potenza għamilhom tnejn fejn kien Robert Hehedosh li żmarka ruħu tajjeb u malli ra lil Farrugia ħiereġ minn postu qabbeż minn fuqu u tefa’ fix-xibka għal 2-0.

Santa Lucia baqgħu jfittxu t-tielet gowl u man-nofs siegħa logħob id-daqqa ta’ ras ta’ Ayad għaddiet għoli, b’din tkun l-aħħar azzjoni ta’ l-ewwel taqsima.

Żejtun provaw iwettqu reazzjoni fit-tieni taqsima u fit-52 minuta kellhom l-aqwa u l-isbaħ ċans meta l-free kick dirett ta’ James Brincat kien milqugħ b’save mill-isbaħ minn Callejja Cremona u mdawwar f’korner.

Minkejja t-tentattivi ta’ Żejtun, u l-qlubija li urew, Santa Lucia għarfu jikkontrollaw tajjeb u ma taw l-ebda spazju lill-avversarji biex wara erba’ minuti ta’ ħin miżjud, Fyodor Zammit saffar tmiem il-konfront, b’Santa Lucia jżommu posthom mal-kbar tal-futbol Malti filwaqt li Żejtun staġun ieħor jerġgħu jilagħbu fil-kampjonat Challenge League.