Futbol Sport

Yannick Yankam ta’ Birkirkara huwa l-BOV Plejer tax-Xahar għal Marzu

Il-Plejer Internazzjonali Malti ta’ 25 sena, Yannick Yankam rebaħ l-unur tal-Plejer tax-Xahar għal Marzu.

Yankam, li ngħaqad ma’ Birkirkara mingħand Qormi fl-2019 kellu staġun ferm pożittiv li rah jiskorja l-ewwel gowl internazzjonali tiegħu għal Malta kontra l-Maċedonja u kiseb nomina għall-MFA Plejer tas-Sena fl-MFA Football Awards li se jsiru fil-bidu tax-xahar id-dieħel.

Yankam skorja l-gowl ta’ Birkirkara fid-draw ta’ 1-1 tat-tim tiegħu kontra Mosta. Meta kienu 1-0 minn taħt, il-midfielder rċieva kross mix-xellug minn Andrea Coliacu bix-xutt tiegħu jaħbat mal-wieqfa qabel sab ruħu fuq wara tax-xibka.

Yannick irċieva l-aħħar unur individwali għall-BOV Premier League 2022-2023 mingħand Alan Attard, Manager tal-Fergħa ta’ Birkirkara tal-Bank of Valletta u għażel lil Puttinu Cares biex jibbenefikaw mid-donazzjoni tal-Bank relatata ma’ dan il-premju.