Birkirkara vs Marsaxlokk | Għada l-Ħadd, fl-16:00 fl-Istadium Nazzjonali
Il-85 edizzjoni tal-IZIBET FA Trophy, tlaqqa’ lit-timijiet ta’ Birkirkara u dak ta’ Marsaxlokk bi storja kompletament differenti bejniethom f’din it-tazza fil-passat.
Fil-fatt fir-rigward tal-istripes din se tkun it-12-il finali tagħhom kemm ilha teżisti din it-tazza, iġifieri mill-istaġun 1934-35 ‘l hawn. L-ewwel darba li Birkirkara għamluha għal finali kien fl-istaġun 1972-73 li kellha tintlagħab fuq tliet logħbiet, minħabba li dak iż-żmien meta l-iskor kien jibqa’ f’parità sal-120 minuta, kienet tintlagħab replay. Wara żewġ riżultati ta’ draw ta’ 0-0, fit-tielet logħba Gżira United ħarġu rebbieħa 2-0, bil-gowls tal-Maroons jaslu minn Robbie Caruana fit-33 u Eric Schembri fit-53 minuta. Ironikament, l-aħħar finali li lagħbu l-Istripes kienet fl-istaġun 2017-18 fejn spiċċaw ukoll fuq in-naħa telliefa bl-iskor ta’ 2-1 kontra Valletta. Il-gowls tal-Beltin waslu minn Kyrian Nwoko u Santiago Malano fil-41 u t-78 minuta rispettivament. Ognjen Rolovic skorja l-gowl tal-istripes tliet minuti mit-tmiem. B’kollox Birkirkara rebħu l-FA Trophy 5 darbiet filwaqt li tilfuha 6 darbiet. L-aħħar darba li rebħuha kien fl-istaġun 2014-15 meta dakinhar għelbu lil Hibernians 2-0 b’gowls ta’ Mauricio Mazzetti u Rafael Ledesma.
L-uniku finali li kienu nvoluti fiha x-Xlukkajri kien fl-istaġun 2003-04 meta dakinhar lagħbu kontra ċ-champions tal-kampjonat Sliema Wanderers. B’Marsaxlokk li kienu qed jibnu tim li aktar ‘il quddiem kien anke rebaħ il-kampjonat, is-Slimiżi kienu wisq b’saħħithom għalihom u fil-finali rebħulhom 2-0 b’gowls ta’ Joe Brincat u Stefan Giglio, biex il-Blues dak l-istaġun għamlu double.
Minkejja li Birkirkara jibdew xi ftit favoriti, anke minħabba li kollox ma’ kollox kellhom staġun mill-aktar pożittiv, fejn fil-kampjonat spiċċaw fit-tieni post, finali hija finali u fil-ġurnata jista’ jiġri minn kollox. Fil-fatt, Birkirkara dan l-istaġun għadhom ma’ rebħux kontra Marsaxlokk fejn fl-ewwel partita kienu x-Xlukkajri li ħarġu rebbieħa 1-0 b’gowl fit-92 minuta minn Walter Serrano u draw ta’ 1-1 fit-tieni round.
Biex waslu s’hawn Birkirkara fl-ewwel logħba eliminaw liċ-champions Għawdxin Nadur Youngsters bl-iskor konvinċenti ta 4-0, iżda fir-round ta’ wara bgħatew mhux ħażin kontra l-ġirien Balzan, tant li l-logħba kienet deċiża bl-għoti tal-penalties, bit-tim immexxi minn Giovanni Tedesco joħroġ rebbieħ 5-4. Fil-kwarti finali Birkirkara kellhom jaffaċċjaw liċ-champions Ħamrun Spartans, bl-aspettativa għal dak il-konfront kienet waħda kbira minħabba li l-Ispartans kienu għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa kontra l-Istripes. Din ir-rebħa baqgħet ma waslitx għaliex Birkirkara eliminaw lil Ħamrun 1-0 b’gowl tas-solitu Enzo Cabrera wara 17-il minuta. Is-semi finali kontra Mosta kienet waħda drammatika għall-aħħar u meqjusa bħala l-isbaħ logħba tal-istaġun. Birkirkara fetħu vataġġ doppju sat-52 minuta, iżda l-Mostin ma ramewx ix-xugaman u ġabu l-iskor indaqs. Penalty dubjuż reġa tefa’ lil Karkariżi minn fuq fit-80 minuta iżda Mosta reġgħu skorjaw biex il-logħba kienet destinata li bħas-semi finali l-oħra tmur għal ħin barrani. Iżda Enzo Cabrera kellu pjanijiet oħra u fit-92 minuta skorja l-gowl li poġġa lil Birkirkara fil-finali tal-FA Trophy wara assenza ta’ ħames snin.
Min-naħa tagħhom Marsaxlokk fl-ewwel impenn tagħhom f’din it-tazza għelbu faċilment lit-tim taċ-Challenge League Żejtun Corinthians 5-0 biex fir-round tal-aħħar sittax rebħu 2-0 kontra Santa Lucia. Fil-kwarti finali beda l-iebes għax-Xlukkajri fejn il-poloz laqqawhom kontra Hibernians, b’Tal-Pagun li kienu ġejjin f’tagħhom wara li kienu ħatru lill-kowċ Silvio Vella u kisbu tliet rebħiet infila. Kontra kull mistenni iżda, l-ewwel telfa ta’ Vella kellha tasal f’din il-logħba bil-gowl ta’ Leandro Agiurre jaqta’ passaġġ għas-semi finali fejn hawn kienu se jsibu avversarju iebes ieħor li ukoll kien qed jerġa jsib il-forma wara serje ta’ riżultati negattivi. Fil-fatt wara erba’ telfiet konsekuttivi fil-kampjonat, Gżira kienu ġejjin minn żewġ rebħiet li poġġewhom fit-tielet post. Gżira kif kien mistenni kienu l-aktar perikolużi u kellhom l-aktar pussess u wara kwarta logħob fetħu l-iskor permezz tal-aqwa skorer tal-kampjonat Jefferson De Assis. Marsaxlokk iżda urew karattru u f’wieħed mill-ftit azzjonijiet perikolużi li kellhom irnexxielhom iġibu l-gowl tad-draw, gowl li rnexxielhom iżommu sal-120 minuta biex il-partita kellha tiġi deċiża bl-għoti tal-penalties. Ironikament, l-uniku plejer li falla l-penalty li elimina lil Gżira kien Jefferson De Assis, li ra x-xutt tiegħu ikun milqugħ mill-goalkeeper Xlukkajr Marko Drobnjak, fost il-ferħ tal-plejers u supporters ta’ Marsaxlokk, li kienu qed jaraw lit-tim tagħhom lura f’finali tal-FA Trophy wara 20 sena.
//= $special ?>