Lokali

Itajrulu rasu wara li ma riedx indħil

Il-Gvern ħabbar li b’effett mill-1 ta Mejju, Jonathan Borg se jservi bħala l-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta. Dan ifisser li Borg se jieħu post Jeffrey Curmi.

Net News jista’ jikkonferma li l-manuvri biex jittajjar Curmi mit-tmexxija ta’ Transport Malta ilhom għaddejin ġimgħat sħaħ.

Jidher li kollox eskala meta saret azzjoni ta’ infurzar f’Għawdex; xi ħaġa li urtat ferm lill-Ministri tad-Distrett u lil dawk li huma qrib Robert Abela f’Kastilja. Tant illi eżatt wara, kien hemm pressjoni biex Curmi ma jibqax jimxi b’dan il-mod – għalkemm il-Brigadier irreżista din il-pressjoni politika.

Jirriżulta wkoll li minn hemm ‘il quddiem baqgħu jippressaw minn Kastilja u mill-Ministeru tat-Trasport biex itajjrulu rasu. Iżda hu ma ried jiċċaqlaq b’xejn, sakemm ma jitħallas il-flus dovuti lilu.

L-għażla tal-Ministru Aaron Farrugia issa waqgħet fuq Jonathan Borg illi ġej mis-settur marittimu, b’karriera ta’ 35 sena. Fil-preżent hu jservi ta’ Chairperson ta’ Yachting Malta u membru fil-bord tal-Malta Maritime Forum.