Fi stqarrija li nħarġet mid-deputati Nazzjonalista, Julie Zahra, l-Kelliem għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura, u Stanley Zammit, il-Kelliem għall-Ippjanar, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni ntqal li l-qalba u l-karattru sabiħ tal-irħula u l-ibliet qed ikunu mhedda u meqruda għax, minkejja l-ħafna diskorsi sbieħ, il-Gvern qed juri bil-fatti li m’għandux ir-rieda u l-ħeġġa li jiċċara jew jirrevedi policies li għandhom ikunu applikati f’każi ta’ applikazzjonijiet dwar strutturi, binjiet u zoni li jagħtu karattru lil pajjiżna.
Fl-aħħar għaxar snin, il-Partit Nazzjonalista kkritika bil-qawwa lill-Gvern Laburista, b’mod speċjali meta fetaħ beraħ il-policies li jirregolaw l-ippjanar għall-interpretazzjonijiet differenti.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota u jikkonferma li l-Gvern Laburista sparpalja u dgħajjef lill-awtoritajiet u lill-entitajiet responsabbli. Minflok ma jqis u jistma lil dawn l-awtoritajiet bħala tali, dawn l-awtoritajiet, inklużi l-Gvernijiet Lokali, qed ikunu kkonsidrati sempliċiment bħala konsulenti u, agħar minhekk, injorati fil-proċess tal-ippjanar.
It-twaqqigħ u l-bini ġdid mhux biss jistonaw ħafna ma’ binjiet oħrajn b’arkittettura u b’karattru fil-qrib, iżda jservu ta’ preċedent ħażin biex jinħarġu aktar permessi li jirrovinaw l-estetika u l-fiżjonomija ta’ dawn iz-zoni.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni li hi ħasra kbira li l-wirt arkitettoniku qed jintilef b’rata tant mgħaġġla u l-awtorità li suppost tħares li dan ma jseħħx, f’numru ta’ okkażjonijiet lanqas biss qed tkun ikkonsultata u, fejn is-Sovrintendenza tal-Wirt Nazzjonali, il-Gvern Lokali jew xi awtorità jew entità oħra jkunu oġġezzjonaw għal żvilupp, dawn qed ikunu injorati.
Dan kollu juri kemm l-Awtorità tal-Ippjanar qed tmexxi lis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u spiċċat pupazz tagħha. Mhux tallu dan m’għandux ikun hekk, talli ż-żewġ entitajiet għandhom jaħdmu flimkien għall-ġid ta’ pajjiżna.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jappella lill-Gvern Ċentrali biex mhux biss ma jibqax jinjora lill-awtoritajiet kompetenti, lill-Gvernijiet Lokali u lill-NGOs ambjentali fid-deċiżjonijiet relatati mal-ippjanar, iżda għandu jsaħħaħ il-kompetenzi ta’ dawn l-entitajiet bl-investiment tant meħtieġ fit-teknoloġija u fir-riżorsi umani. Għandu jassigura wkoll li s-Sovrintendenza tal-Wirt Nazzjonali u l-Awtorità jkunu awtonomi iżda jaħdmu aktar viċin xulxin.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni u jinsisti li tinħtieġ parteċipazzjoni aktar effettiva ta’ dawn l-entitajiet fil-livelli kollha fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet, inkluż fil-Bord tal-Ippjanar, anke bid-dritt għal vot. Barra minhekk, konsultazzjoni reali fil-livelli kollha għandha tkun obbligatorja.
//= $special ?>