Crystal Palace u West Ham United fetħu l-programm tal-ogħla kampjonat Ingliż b’logħba stupenda f’Selhurst Park li baqgħet indeċiża sal-aħħar – bl-Eagles, finalment, jissuperaw lill-Hammers bl-iskor ta’ 4-3 biex tefgħu mill-ġdid lit-tim ta’ David Moyes fl-inkwiet meta jinsab biss ħames punti ‘il fuq miz-zona l-ħamra
Sadanittant, Palace rebħu erba’ mill-aħħar sitt impenji tal-kampjonat taħt il-gwida tal-manager veteran Roy Hodgson u issa huma kważi matematikament salvi, peress li fetħu vantaġġ ta’ ħdax-il punt fuq Leicester City, li hu t-tielet tim mill-aħħar.
Kienu West Ham li kisbu vantaġġ meta Tomas Soucek (9) approfitta mill-indeċiżjoni ta’ Michael Olise fuq azzjoni ta’ korner.
Iżda dan il-gowl ta nifs ġdid lil Palace li skurjaw tlett darbiet mingħajr tweġiba minn Jordan Ayew (15), Wilfried Zaha (20) u Jeffrey Schlupp (30) li seraq il-ballun lil Soucek qabel avvanza u għeleb lill-gowlkiper Fabianski.
It-taqsima, intant, intemmet bl-iskor ta’ 3-2 meta West Ham mill-ġdid kienu miċidjali fuq azzjoni ta’ korner, b’Michael Antonio (35) isib ix-xibka bir-ras biex inaqqas l-iżvantaġġ.
Iż-żewġ tims ħarġu jfittxu l-gowl wara l-mistrieħu u reġgħu kienu Palace li żiedu l-vantaġġ mill-penalty ta’ Eberechi Eze (66) u li ngħata għall-fawl ta’ Nayef Aguerd fuq l-istess plejer.
Tmintax il-minuta mit-tmiem, Aguerd patta għall-iżball u reġa’ daħħal lil West Ham fil-logħba bl-iskor isir 4-3 wara set-piece barra l-kaxxa.
Madankollu, il-Hammers fallew fit-tentattivi biex jiksbu dro spettakulari u għaldaqstant huma jinsabu fil-15-il post tal-klassifika, bi żvantaġġ ta’ sitt punti ma’ Palace u meta fadlilhom biss ħames logħbiet għal tmiem il-kampjonat.
//= $special ?>