Futbol Sport

Premier League Ingliż: Brentford idawwru telfa f’rebħa ma’ Notts Forest

Nottingham Forest tilfu ċans mill-isbaħ li jwettqu pressjoni fuq il-klabbs l-oħrajn li qed jiġġieldu kontra r-relegation meta raw tliet punti jisfumaw fix-xejn (1-2) kontra Brentford fil-Community Stadium.

Fil-fatt, din it-telfa tista’ tkun fatali għat-Tricky Trees wara sena biss fl-ogħla diviżjoni u minkejja li huma kontrollaw il-logħba għal ħafna ħinijiet wara li, fit-22 minuta, il-midfielder Brażiljan,Danilo, poġġihom fil-vantaġġ meta l-ballun spiċċa f’saqajh fuq it-tentattiv ta’ Morgan Gibbs-White.

Il-Bees – minkejja xi perjodi ta’ pussess – ftit kienu inċiżivi iżda r-riżultat dar fl-aħħar minuti tal-logħba minn freekick ta’ Ivan Toney (82) fejn il-ballun qarraq kompletament bil-gowlkiper Keylor Navas li jrid anki jġorr responsabbiltà għal dan l-hekk-imsejjaħ ‘soft goal’.

U waqt li Forest kienu qed jilgħabu l-aħħar minuti b’għaxar plejers — wara li Danilo kien ħareġ imweġġa’ – waslet id-doċċa kiesħa minn Brentford, meta s-sostitut Josh Dasilva skorja l-gowl rebbieħ fl-94 minuta u li kien ikkonvalidat wara evalwazzjoni fit-tul mill-Var.

B’din it-telfa, Forest għadhom ankrati fis-17-il post, punt wieħed biss ‘il fuq miz-zona l-ħamra, bil-manager Steve Cooper, wara, jilmenta mal-ġurnalisti dwar in-nuqqas ta’ konċentrazzjoni mill-plejers tiegħu fl-aktar ħinijiet kruċjali tal-konfront.