Futbol Sport

Premier League Ingliż: Wolves umiljati bi skor tennistiku ma’ Brighton

Brighton and Hove Albion stimulaw it-tamiet li jikkwalifikaw għal waħda mill-kompetizzjonijiet Ewropej wara rebħa tremenda, 6-0, fuq Wolverhampton Wanderers li kienet anki l-akbar rebħa li qatt irreġistraw is-Seagulls fl-ogħla diviżjoni.

Intant – u bħalma jindika l-iskor finali fl-Amex Stadium – Wolves rari dehru fil-logħba u għalkemm għandhom vantaġġ ta’ tmien punti fuq iz-zona l-ħamra, il-manager, Julen Lopetegui, għandu għalfejn ikun allarmat bil-mod kif id-difiża tiegħu bdiet tinqabad għal kull gowl u mingħajr l-ebda ħjiel ta’ reżistenza għall-attakkanti ta’ Brighton.

Is-Seagulls żblukkaw ir-riżultat wara biss sitt minuti grazzi għal Deniz Undav, b’Pascal Gross (13) jirdoppja faċilment fuq l-assist ta’ Enciso – bid-difiża ta’ Wolves mill-ġdid ineżistenti.

Minn dak il-ħin kienet biss kwistjoni ta’ kemm kienu se jiskurjaw Brighton li għalqu l-ewwel taqsima b’vantaġġ ta’ erba’ gowls grazzi għal Gross, li għaqqad id-doppjetta personali fis-26 minuta, u Danny Welbeck li reġa’ sab ix-xibka b’header ħames minuti mill-mistrieħ.

Fil-bidu tat-tieni taqsima, Welbeck (48)  skorja l-ħames gowl għal Brighton wara li interċetta l-pass żbaljat ta’ Nathan Collins, b’Undav jikkonkludi l-iskor tennistiku meta, fis-66 minuta, rebaħ dwell għall-ballun ma’ Matheus Nunes qabel sab ix-xibka ta’ Jose Sa b’chip perfett.

Intant, is-Seagulls għadhom qed jokkupaw it-tmien post fil-Premier League iżda b’punt wieħed biss anqas minn Liverpool u b’żewġ punti anqas minn Tottenham, li jinsabu l-ħames u li lagħbu żewġ logħbiet aktar mit-tim ta’ Roberto de Zerbi.