Il-Kap tal-grupp Wagner tenna li hemm ċans li l-grupp tiegħu jispiċċa għal kollox dan hekk kif fl-aħħar sigħat kompla l-ġlied f’Bakhmut, bl-istess grupp isofri numru ta’ mwiet, bil-Belt għadha maqsuma f’territorji u zoni bejn l-Ukreni u r-Russi.
Kmieni s-Sibt filgħodu ssoktaw l-attakki f’Sevastopol, fil-Krimeja, bil-Gvernatur maħtur mir-Russi fir-reġjun jgħid li ħadd ma weġġa’ f’dan l-attakk. L-attakk qered minn tal-anqas 4 tankijiet imdaqqsa tal-fjuwil.
Diversi bliet fl-Ukrajna fl-aħħar sigħat ġarrbu sensiela ta’ attakki mill-ajruplani tal-gwerra tar-Russja – attakki immirati speċifikament għaz-zoni residenzjali Ukreni. Matul il-lejl, fuq il-mezzi soċjali dehru filmati xokkanti ta’ mara tirrakonta l-attakk fuq l-appartament tagħha f’Uman.
F’dan l-attakk mir-Russi, inqatlu minn tal-inqas 17-il persuni, bl-attakki fuq zoni ċivili mill-Kremlin kontinwament qed jissoktaw.
Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Antonio Guterres tkellem mal-President tat-Turkija Recep Tayyip Erdogan dwar kif jista’ jkun hemm aktar titjib fl-espansjoni u l-estensjoni ta’ ftehim li jippermetti l-esportazzjoni sikura tal-qamħ fil-Baħar l-Iswed mill-Ukrajna.
Intant analisti tal-gwerra qalu li f’dan il-perjodu ħadd mhu jagħmel l-ebda avvanzi fil-gwerra biż-żewġ naħat dejjem qed jitilfu aktar ħajjiet u m’huma jiggwadanjaw xejn.
L-istess analisti qalu li Putin ħaseb li se jegħleb lir-Russa minnufih, iżda l-bosta telfien f’din il-gwerra ġabu magħhhom skumdita kbira fil-Kremlin fil-konfront tiegħu.
L-istess persuni tennew li issa huwa l-mument li l-Ukrajna tieħu vantaġġ mill-eżawriment tas-suldati Russi u tissielet aktar b’saħħa biex pajjiżha jirbaħ din il-gwerra.
//= $special ?>