“Flimkien, irridu naraw li l-Unjoni Ewropea tkompli tagħmel differenza pożittiva fil-ħajja tal-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin” – Roberta Metsola
Bħal-lejla 19-il sena ilu, ħafna Maltin u Għawdxin kienu l-Belt Valletta jistennew ħerqana s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Kien lejl ta’ emozzjonijiet kbar għal ħafna għax kien ifisser pass kbir għal kull Malti u Maltija, Għawdxi u Għawdxija. F’dan id-19-il anniversarju, tkellimna mal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola dwar il-bidla li għadda pajjiżna bis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll dwar l-importanza ta’ Jum il-Ħaddiem.
Roberta, żgur li bħal-lum, ħafna qarrejja tagħna jġibu memorji ta’ fejn kienu huma 19-il sena ilu. Inti fejn kont? X’tiftakar minn dakinhar?
Ġurnata li nibqa’ niftakar għal dejjem. Kont mal-familja u ħbieb fil-Port il-Kbir nistenna minuta wara l-oħra nofsillejl idoqqu. Kelli biss 25 sena – kont se nikkontesta l-ewwel elezzjoni tal-Parlament Ewropew ftit tal-ġimgħat wara – ħassejt sens ta’ sodisfazzjon kbir. Kont emozzjonata u sodisfatta li pajjiżna kien ħa dik id-deċiżjoni. Ma kinitx triq għal wita. Ħdimna biex nikkonvincu lin-nies biex jivvutaw IVA. Kont naf li t-triq ’il quddiem hi waħda sabiħa, waħda li se tħalli l-frott. Ċerta li ħafna jiftakru dak il-lejl – l-entużjażmu, is-sens li Malta issa mal-pajjiżi l-oħra, fejn jixirqilna. Ejja nibqgħu niċċelebrawh dan il-fatt.
Minn dakinhar sal-lum, pajjiżna għadda minn bidliet kbar – soċjali u ekonomiċi b’mod partikolari. Kif tħares lura lejn dawn id-19-il sena?
Qatt ma nistgħu ngħidu li kollox kien ward u żahar. Għaddejna minn sfidi, għadna għaddejjin minnhom u se nibqgħu niffaċċjawhom. Imma naħseb meta tpoġġi kollox fuq miżien, is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea ġabet magħha bidliet pożittivi kbar. Bidliet għall-aħjar. Drittijiet ġodda għal ħafna nies, sens ġdid, opportunitajiet ta’ xogħol u ta’ edukazzjoni għaż-żgħażagħ tagħna, bidliet kbar fil-qasam ambjentali u fil-baħar tagħna, neħħejna spejjeż żejda għall-konsumaturi bħar-roaming, u ħafna ħafna aktar. Hemm oqsma oħra li baqgħalna fejn nikkonvinċu, fosthom l-immigrazzjoni, l-isfidi partikolari li jiffaċċja Għawdex, it-tneħħija tal-burokrazija żejda. Jien se nkompli nara li dak li bnejna flimkien inkomplu nsaħħuh, u fejn nistgħu, niksbu aktar riżultati pożittivi għal pajjiżna mill-Unjoni Ewropea.
Illum-il ġurnata, inti tmexxi l-istituzzjoni li hi eletta b’mod dirett min-nies: il-Parlament Ewropew. X’għamilt fl-aħħar sena u nofs biex tqarreb l-Unjoni Ewropea aktar lejn in-nies?
Waħda mill-wegħdiet li kont għamilt dakinhar li ġejt eletta President tal-Parlament Ewropew hi li l-Ewropa ma tibqax dik ta’ Brussell u Strasburgu, imma li mmur fil-pjazez u l-irħula madwar l-Ewropa u nitkellem maż-żgħażagħ, niltaqa’ mal-istudenti, immur fuq il-postijiet tax-xogħol u nitkellem mal-irġiel u n-nisa dwar x’qed tagħmel l-Unjoni Ewropea, x’tista’ tagħmel aħjar, u nisma’ x’inhuma l-aspirazzjonijiet tan-nies.
Fl-aħħar sena u nofs – minbarra li nkun preżenti Malta u Għawdex – mort f’diversi pajjiżi u waqt kull żjara, minbarra l-laqgħat uffiċjali mal-mexxejja tal-pajjiż, dejjem rajt li mort fl-iskejjel, l-universitajiet u smajt xi jridu n-nies mill-Unjoni Ewropea. Mhux se nieqaf hawn. Se nkompli niltaqa’ ma’ aktar nies, għaliex fl-aħħar mill-aħħar, l-aqwa liġijiet jistgħu jsiru biss jekk inkomplu nisimgħu, nifhmu r-realtà tan-nies, u nispjegaw id-deċiżjonijiet li nieħdu. Is-sħubija ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea hi wkoll ir-relazzjoni aktar mill-qrib bejn il-gvernijiet, il-politiċi minn pajjiżi differenti u fuq kollox in-nies. Qed naħdem biex mhux biss inqarreb l-Unjoni Ewropea lejn in-nies imma anki li l-popli joqorbu lejn xulxin.
Ix-xahar li għadda kont qed nixtri minn ħanut f’Ħal Qormi u daħal raġel u qalli li t-tifel tiegħu mar għal esperjenza ta’ studju u bil-kuntatti li għamel qed jesplora l-possibbilità li jingħaqad ma’ żgħażagħ oħra bħalu biex jagħmlu riċerka flimkien biex imbagħad jaraw jistgħux jagħmlu investiment flimkien. Dan hu eżempju wieħed. Bħalhom hemm ħafna oħrajn.
Għada niċċelebraw ukoll Jum il-Ħaddiem, mhux biss f’Malta imma anke fuq livell internazzjonali. X’qed isir fuq livell Ewropew biex jiġi assigurat li d-drittijiet tal-ħaddiema mhux biss ma jitnaqqrux imma jkomplu jissaħħu?
Jum il-Ħaddiem għandna niċċelebrawh kuljum. Xogħol il-politiċi hu li nassiguraw li l-ħaddiema, min qiegħed f’impjieg u min jipprovdi l-impjiegi huma sodisfatti b’dak li qed jagħmlu, għandhom dħul li jistħoqqilhom, jistgħu jimirħu fil-karrieri tagħhom u jkabbru l-investimenti tagħhom, u jingħataw opportunitajiet ta’ tagħlim, taħriġ u biex ikomplu jikbru. Lis-sidien ta’ negozji u l-investituri rridu naraw li titnaqqsilhom il-burokrazija li ma hemmx bzonnha. Ma jistax ikun li min ikun irid jagħmel xi tranżazzjoni finanzjarja jitqies bħala suspettat. Ma jistax ikun li mal-ħażin jeħel it-tajjeb. U f’pajjiżna għandna ħafna aktar tajbin. Pajjiżna u dan il-poplu mexa ’ quddiem għaliex għandna poplu ħawtiel li jaħdem b’onestà u integrità.
Il-Gvern għandu jipprempja l-bżulija, jara li l-ambjent ekonomiku, soċjali u ambjentali jinċentiva t-tkabbir ekonomiku. Aħna rridu tkabbir ekonomiku mhux għal skop ta’ statistika imma biex kull persuna jkollha kwalità ta’ ħajja aħjar.
Staqsejtni fuq il-Parlament Ewropew. Fl-aħħar ftit xhur biss, il-Parlament Ewropew approva numru ta’ liġijiet li huma indirizzaw diversi aspetti li jolqtu lill-ħaddiema. U hawn, b’mod speċjali rrid nirreferi għal-liġi li tassigura li ma jkunx hemm aktar diskriminazzjoni bejn ħaddiema nisa u rġiel. Ma rridx niltaqa’ ma’ aktar nisa li jgħiduli li jitħallsu anqas għaliex huma nisa, jew li saret diskriminazzjoni kontrihom. Il-ħaddiema għandhom jiġu trattati b’mod ugwali, irrelevanti l-ġeneru tagħhom.
X’tista’ tikseb aktar Malta mill-Unjoni Ewropea?
Ksibna ħafna imma għad baqgħalna ħafna x’niksbu. L-Ewropa hija storja ta’ suċċess, imma hemm aktar x’jista’ jitranġa u jinbidel. Niltaqa’ ma’ nies li biex igawdu minn xi opportunità jew xi fondi, iridu jgħaddu minn burokrazija li tista’ tiġi simplifikata. Jew oħrajn li jaraw l-Unjoni Ewropea bħala xi ħaġa ’l bogħod minnhom, u li dak li jiġi deċiż fi Brussell u Strasburgu ma jaffettwahomx. Il-verità hi ferm ’il bogħod minn hekk – kull deċiżjoni hi deċiżjoni għan-nies, biex tagħmel differenza għall-aħjar għan-nies. Flimkien, irridu naraw li l-Unjoni Ewropea tkompli tagħmel differenza pożittiva fil-ħajja tal-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin. Irridu nispjegaw aktar xi tfisser l-Ewropa, x’differenza qed tagħmel, x’tista’ tagħmel aktar.
Is-sena d-dieħla pajjiżna jiċċelebra 20 sena ta’ sħubija. Fl-istess sena, il-poplu Malti u Għawdxi se jkun qed jiġi msejjaħ biex jagħżel is-6 Membri tal-Parlament Ewropew. Għaliex għandhom imorru jivvutaw in-nies? U x’tip ta’ għażla jridu jagħmlu?
L-elezzjonijiet tas-sena d-dieħla huma importanti ħafna. Fl-aħħar snin, rajna l-Unjoni Ewropea tiffaċċja sfidi kbar – mill-pandemija sal-gwerra fl-Ukrajna u l-impatti li qed ikollha. Għalhekk l-elezzjonijiet ta’ bħal dan iż-żmien sena huma importanti. Il-poplu Malti u Għawdxi għandu quddiemu għażla li hija sinifikanti ħafna. Il-fatt li pajjiżna għandu biss 6 MEPs ipoġġi piż akbar fuq min imur jivvota biex jassigura li jagħżel 6 persuni li jaħdmu fl-interess tal-Maltin u l-Għawdxin.
Jiena dejjem inħares lejn l-elezzjonijiet bħala ċans biex dak li jkun jagħti l-ġudizzju tiegħu għall-ħidma li jkun wettaq dak li jkun fiż-żmien ta’ qabel, kif ukoll opportunità li tingħata fiduċja biex dik il-ħidma tkun intensifikata. Kif dejjem għamilt u qed nagħmel, jien se nibqa’ nħabbat il-bibien f’Malta u f’Għawdex, niltaqa’ mal-familji, mal-ħaddiema, man-negozji, nara u nifhem l-isfidi li qed jiffaċċjaw, nitkellmu dwar soluzzjonijiet, u fl-aħħar mill-aħħar, nassigura li kull liġi li napprovaw fuq livell Ewropew tħalli l-impatt pożittiv mixtieq f’pajjiżna għall-poplu Malti u Għawdxi.
//= $special ?>