Lokali Qorti

AĠĠORNATA (4): Seba’ żgħażagħ Sirjani jiċħdu li riedu jieħdu sehem f’attivitajiet terroristiċi tal-ISIS

Sigurtà stretta fid-daħla tal-Qorti

Fuq ġewwa tal-awla:

Seba’ żgħażagħ Sirjani li għandhom bejn il-21 u s-27 sena bdew jisimgħu numru ta’ akkużi li qed jaffaċjaw.

Iż-żagħżagħ, Ajil Al Muhsen, Adnan Maashi, Yazan Abduklaziz, Ahmed Kadas, Khalil Al Mahmoud, Ahmed Ahmed u Mohammed Mohammed, qed jaffaċjaw akkużi li pprovokaw l-għemil ta’ attivitajiet terroristiċi u reat terroristiku, ħajru persuni biex iwettqu atti terroristiċi, u saħansitra għallmu persuni kif jużaw l-isplussivi jew armi tan-nar.

Fil-Qorti ħareġ ukoll kif dawn iż-żgħażagħ saħansitra kellhom il-pjan li jivjaġġaw lejn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea biex jieħdu sehem f’attivitajiet terroristiċi.

Ħamsa mill-akkużati kienu residenti l-Ħamrun, żagħżugħ ieħor residenti Tal-Pietà u ieħor Birkirkara.

Is-seba’ li huma wieġbu mhux ħatja tal-akkużi kontrihom.

Huma nżammu arrestati sakemm ikompli jinstema’ l-każ. Il-Maġistrat ordnat is-sekwestru fuq il-flejjes kif ukoll proprjetà mobbli u immobbli kollha tal-akkużati.

Bħalissa:

Jaslu l-Qorti taħt sigurtà stretta mill-Pulizija numru ta’ persuni li se jkunu akkużati b’rabta ma’ allegat tixrid ta’ materjal estremista. Numru ta’ uffiċjali jinsabu kemm fuq barra mad-dawra tal-Qorti u anke fl-awla fejn mistennija jidhru l-akkużati quddiem il-Maġistrat.

Seba’ persuni jinsabu fuq ġewwa tal-Qorti jistennew li jidhru quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima bi stennija li jew iwieġbu ħatja jew mhux ħatja tal-akkużi li se jiġu miġjuba quddiemhom.

Ġewwa l-awla kien hemm ukoll qraba tal-akkużati biex isegwu dak li seħħ, bl-akkużati jkunu Ajil Al Muhsen, Adnan Maashi, Yazan Abduklaziz, Ahmed Kadas, Khalil Al Mahmoud, Ahmed Ahmed u Mohammed Mohammed.

Iktar kmieni:

Iktar tard illejla, għall-ħabta tas-8pm, numru ta’ persuni se jkunu qed jitressqu l-Qorti b’urġenza; persuni li skont sorsi ta’ Net News għandhom rabta mal-grupp terroristiku, l-ISIS.

Huma ġew arrestati nhar is-Sibt li għadda, f’ħidma koordinata bejn diversi taqsimiet tal-Korp tal-Pulizija, flimkien ma’ entitajiet oħra, inkluż il-Europol.

L-akkużati ġew arrestati wara raid li sar f’xi residenzi fejn instabu ċrieket u filmati assoċjati mal-grupp terroristiku, ISIS. F’każ li dawn jisntabu ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom, huma kapaċi jeħlu għomorhom il-ħabs.

Huma se jkunu akkużati b’rabta ma’ allegat tixrid ta’ materjal estremista.

L-akkużati se jkunu qed jidhru quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima.

Dettalji dwar dan fil-ħin li ġej.