Lokali

Eks manager tal-HSBC akkużat li ffroda madwar €1 miljun

Il-Bank HSBC ma jafx kemm klijenti minn tiegħu ġew iffrodati

Il-bank HSBC qed jara kif se jirkupra miljun ewro minn fondi allegatament misruqa mill-kontijiet tal-bank ta’ numru ta’ klijenti.

Dan wara li l-ġurnal Sunday Times of Malta żvela li eks manager tal-HSBC, Kenneth Gauci, ammetta illi ħa flus b’mod mhux awtorizzat mill-kontijiet bankarji ta’ klijenti kif ukoll għamel firem foloz biex fost l-oħrajn isostni farmhouse lussuża fis-Siġġiewi u jgawdi n-namra li għandu għal għasafar eżotiċi.

Gauci ħadem ma’ dan il-bank mill-1989 sa Awwissu tal-2021, is-sena meta ġie mkeċċi mill-HSBC…wara diversi lmenti li l-bank beda jirċievi mingħand klijenti dwar trasferimenti u tnaqqis ta’ flus mill-kontijiet bankarji tagħhom.

Fil-Qorti Ċivili, kelliema għall-bank ammettew li sal-lum m’humiex ċerti kemm laqat nies u kemm hemm flejjes involuti fil-frodi allegatament imwettaq minn Gauci. Huma saħqu li jaf hemm aktar klijenti li lanqas biss għandhom idea li ġew iffrodati.

Minn naħa l-oħra Kenneth Gauci qiegħed jiċħad li seraq l-ammonti li qed isemmi l-bank – hekk kif inizjalment huwa ammetta li ffroda sitt klijenti…iżda investigazzjoni interna kkonkludiet li kien hemm ħafna aktar.

Skont l-istess Gauci, huwa beda jwettaq dan l-aġir fl-2019….bil-bank jinduna x’qed jagħmel il-manager….sentejn wara.

Il-ġurnal ikompli jispjega li Gauci ammetta mal-bank li jista’ jagħti l-każ li ffalsifika xi firem ta’ klijenti filwaqt li ammetta li l-flus li kien jieħu minn kont ta’ klijent….kien jissostitwixxihom b’aktar flus trasferiti minn kontijiet ta’ klijenti oħrajn.

Ġie spjegat li allegatament Kenneth Gauci kien japprofitta minn persuni li jew ma kellhomx idea kif jużaw it-teknoloġija jew saħansitra persuni li ma jafux jaqraw u jiktbu…persuni li kienu jafdawh b’għajnejhom magħluqin.

Jidher ukoll li fis-sajf tal-2021 Gauci saħansitra kien kiteb e-mail lil kollegi tiegħu fejn skuża ruħu ta’ dak li wettaq – u li kienet ammissjoni fiha nfisha.

Filwaqt li r-raġel ta’ 51 sena tressaq il-Qorti f’Ottubru li għadda…fejn ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih – sal-lum għadu mhux magħruf kemm-il persuna ġiet impattata bl-allegat aġir ta’ dan l-eks manager tal-HSBC.