“Tkomplux tgħadduna biż-żmien!”
Huwa dan is-sentiment ta’ ħafna hekk kif il-Gvern Laburista ilu s-snin jgħid li għandu “pjan ħolistiku” għal Kemmuna biex nipproteġu din il-gżira… iżda għadhom s’issa m’għamlu xejn biex naraw bidla għall-aħjar.
Anzi, wieħed jista’ jinnota kif għadu lanqas biss beda s-sajf u l-gżira ta’ Kemmuna diġa’ qed tkun invażata bin-nies, kemm fuq l-art u anke fil-baħar… aħseb u ara kif se tkun is-sitwazzjoni fl-għeqqel ta’ dan l-istaġun meta jiżdiedu sew it-turisti li jiġu lejn pajjiżna.
L-għaqda non governattiva, Għawdix fakkret lill-Gvern Laburista kemm huwa importanti li jkunu protetti l-flora u l-fawna ta’ din il-gżira filwaqt li jkunu kkontrollati l-operaturi li jaħdmu fuq jew madwar Kemmuna.
“L-affarijiet ser ikunu qed jinbiddlu sas-sajf li ġej żgur,” kien qal il-Ministru Bartolo lura f’Awwissu 2022. “Mhux se jerġa’ jkollna l-istess affarijiet li kellna dan is-sajf.”
Dan kien li qalilna sena ilu l-Ministru Bartolo… għalkemm illum il-ġurnata nistgħu naraw biċ-ċar li tal-Labour għandhom biss paroli u l-ebda azzjonijiet.
Il-wiegħda tal-Ministru Clayton Bartolo… dik li se jagħmel pjan ħolistiku għal Kemmuna… ilna nisimgħuha sajf wara l-ieħor… iżda dejjem naqas milli jagħmel dak li dejjem wiegħed lill-poplu Malti u Għawdxi.
Wiegħed li jneħħi 65% tad-deckchairs fuq l-art pubblika.
Wiegħed li s-servizz ta’ tindif jitjieb.
Wiegħed li ssir valutazzjoni ta’ kemm il-gżira tiflaħ nies fuqha.
Ħafna wegħdiet li jinstemgħu sbieh… kieku il-Ministru jiddeċiedi li xi darba jimplimentahom… għalkemm jidher li dan qatt mhu ser iseħħ.