Il-Papa Franġisku ikkonkluda ż-żjara pastorali fl-Ungerija b’quddiesa f’Budapest li għaliha attendew l-eluf tad-devoti inkużi l-Kattoliċi li għamlu l-vjaġġ apposta minn madwar l-Ewropa.
Il-Kap tal-Kattoliċi, li dejjem tkellem favur il-mogħdrija għall-immigranti u nies oħra vulnerabbli, għażel proprju din it-tema għal waqt il-quddiesa fejn sostna li jitnikket kulmeta jara sitwazzjonijiet fejn il-pajjiżi jagħlqu l-bibien lill-immigranti….Immigranti li jkunu qed jaħarbu mill-gwerer u persekuzzjoni bit-tama li jsibu ħajja aktar diċenti – ‘u li wara kollox hu d-dritt tagħhom’.
Il-folol miġburin fi Pjazza Kossuth Lajos ta’ Budapest semgħu lill-Papa jenfasizza biex l-Ungerija u l-pajjiżi kollha tal-Ewropa jestendu l-id tal-ħbiberija u l-imħabba lejn l-immigranti fejn tenna li ‘il-bibien li qed jingħalqu f’wiċċ dawn in-nies huma riżultat tal-egoiżmu li sfortunatament jikkaratterizza ħafna aspetti tal-ħajja moderna’.
Din kienet l-ewwel żjara tal-Papa Franġisku fl-Ungerija mindu laħaq fit-tmexxija tal-Knisja Kattolika fl-2013. U f’dawn il-jiem hu tkellem dwar il-kwistjoni tal-immigranti kif ukoll dwar l-iżviluppi tal-gwerra fl-Ukrajna flimkien mal-Ogħla Mexxejja f’Budapest.
Sadanittant, il-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban – li ilu s-snin jaddotta politika iebsa fir-rigward tal-immigranti — u l-President tal-Ungerija, Katalin Novak, kienu preżenti għall-quddiesa ċelebrata mill-Papa fi Pjazza Kossuth Lajos.
Appell relatat mad-dmija fl-Ukrajna
Filwaqt li ħeġġeġ biex l-Ungeriżi – u l-Ewropej kollha — jiftħu pajjiżhom għal ħaddieħor li qed jgħix ħajtu f’periklu kontinwu, il-Papa għamel ukoll appell imqanqal għat-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna li dalwaqt tagħlaq sena u nofs.
Fil-fatt, il-kwistjoni tal-Ukrajna kienet trattata fid-dettall mill-Papa li esprima t-tħassib dwar il-poplu ta’ dan il-pajjiż waqt il-laqgħat ma’ Viktor Orban.
L-Ungerija taqsam parti mill-fruntiera mal-Ukrajna u l-Prim Ministru Orban, sallum, baqa’ jirrifjuta li pajjiżu jkollu sehem fl-għajnuna militari li qed tingħata lill-Ukreni biex jiddefendu ruħhom kontra l-invażjoni mit-truppi tal-Kremlin. Dan ukoll meta Orban hu fost l-aktar mexxejja li għad għandhom ir-relazzjonijiet tajbin mal-President Russu Vladimir Putin.
Filwaqt li tenna l-apprezzament tiegħu għall-‘inklużjoni’ tal-immigranti Ukreni fl-Ungerija, il-Papa ma naqasx milli jesprima solidarjetà mal-poplu Ukren u meta hu anki jinsab dispost għal djalogu mar-Russja. Fil-fatt, il-Papa, nhar is-Sibt, talab mar-refuġjati Ukreni fl-Ungerija qabel iltaqa’ ma’ rappreżentant tal-Patrijarku Russu tal-Ortodossi, Kirill, li hu sostenitur kbir tal-invażjoni tal-Ukrajna mill-Armata ta’ Putin.
Fl-aħħar tal-quddiesa, il-Papa Franġisku talab mill-ġdid għall-paċi fl-Ukrajna u ‘futur ta’ tama mingħajr post għall-gwerer, l-intolleranza u l-insistenza għal politika inflessibbli fir-rigward tal-bniedem’.
//= $special ?>