Lokali

“Il-PN huwa l-uniku tarka tal-poplu Malti u Għawdxi kollu” – Bernard Grech

“Il-Partit Nazzjonalista huwa l-uniku tarka tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.”

Kien dan li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech waqt Attività Politika li saret mill-Partit Nazzjonalista dalgħodu fl-Istazzjon ta’ Birkirkara filwaqt li appella lill kull Malti u Għawdxi biex għada jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista fi protesta kontra t-tmexxija tal-Gvern Laburista.

Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista qatt mhu se jaċċetta li Gvern Laburista jattakka lill-membri tal-Partit Nazzjonalista għaliex sempliċiment kienu qed iwettqu d-dritt tagħhom wara li Keith Schembri gideb taħt ġurament. Il-Kap tal-PN qal li ħadd mhu se jwaqqaf lill-Partit milli jkompli jaħdem favur il-poplu Malti u Għawdxi kollu.

“Għaliex inti kriminali u tal-mitħla, il-Prim Ministru jaqbeż għalik,” qal Bernard Grech. “Iżda għax inti maż-żgħir, il-Kummissarju tal-Pulizija jipprova jgħalaqlek ħalqek. Robert Abela jipprova jgħalaqlek ħalqek. Il-Gvern Laburista jipprova jgħalaqlek ħalqek.”

Bernard Grech qal li d-dejn ta’ pajjiżna baqa’ jiżdied bil-miljuni, tant li żdied kważi bid-doppju taħt Gvern immexxi minn Robert Abela. Fil-fatt, Abela mhux talli mhux jgħin lill-żgħir, talli qed ikompli jitħanżer mal-kumplament tal-kabinett tiegħu.

“Pajjiżna baqgħalu biss lill-Partit Nazzjonalista jaqbeż għalih,” qal Bernard Grech. “Filwaqt li Robert Abela jibqa’ jaħdem lill-ħaddiem.”

Bernard Grech kompla jgħid li filwaqt li Gvern Laburista qed ikisser lill-pajjiżna, Partit Nazzjonalista jwiegħed li se jkun qed jaħdem favur kull Malti u Għawdxi.

“Dan hu l-Partit Nazzjonalista tal-uniku soluzzjoni, Partit li huwa tarka tal-Maltin,” qal Bernard Grech.

Għada, propju għall-Jum il-Ħaddiem, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jorganizza protesta bit-tema ‘Nagħtu s-Saħħa lill-Ħaddiem’, b’kull Malti u Għawdxi hu mistieden biex jingħaqad mal-Partit quddiem l-Isptar San Luqa biex isemma’ leħnu.

“Ejjew ingħaqdu magħna, saħħu l-għajta magħna biex pajjiżna jkun jista’ jitwieled mill-ġdid biex int twettaq il-ħolm li tixtieq twettaq,” temm jgħid Bernard Grech.