Internazzjonali

Is-Sudan: Ifalli l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied fost battalji ġodda f’Khartoum

Ir-residenti f’Khartoum u l-madwar qegħdin jgħixu mill-ġdid minn kalvarju fost splużjoni oħra ta’ ġlied intensiv bejn l-Armata tas-Sudan u l-paramilitari tal-grupp Rapid Support Forces (RSF) li qed jokkupaw xi zoni fil-kapitali. L-aħħar battalji seħħew minkejja l-‘estensjoni’ tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied intiż biex ir-residenti f’Khartoum jaħarbu lejn l-inħawi anqas perikolużi.

Dan il-ftehim, intant, sfaxxa, bl-Armata, fl-aħħar sigħat, tispiċċa tattakka lil Khartoum minn kull direzzjoni bil-ħsieb li telimina lill-paramilitari qalb id-distretti tal-kapitali. Fl-attakki ntużaw l-ajruplani tal-gwerra u l-artillerija, b’miljuni ta’ Sudaniżi jibqgħu maqbudin u iżolati f’Khartoum fejn qed jonqsu dejjem aktar il-provvisti tal-ikel.

Fost il-kaos tas-Sudan qed tkompli l-evakwazzjoni tal-barranin – bil-vittmi qed jiżdiedu minn siegħa għall-oħra fost rapporti li l-mejtin fil-ġlied issa qabżu s-700.

Intant, il-battalji mistennija jkomplu għal jiem bejn il-qawwiet tal-Kmandant tal-Armata, il-Ġeneral Abdel Fattah al-Burhan u l-paramilitari tal-RSF immexxija minn Mohamed Hamdan Dagalo. Dan fost id-diżgwid dwar il-pjani biex l-RSF jispiċċaw inkorporati fl-Armata ta’ al-Burhan – li hu wkoll il-Mexxej de facto tas-Sudan.

Il-falliment tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied kellu jseħħ minkejja l-isforzi diplomatiċi intensivi tal-Istati ġirien tas-Sudan kif ukoll min-naħa tal-Nazzjonijiet Uniti, l-Istati Uniti u r-Renju Unit.