Manchester City għelbu lil Fulham, 2-1, fi Craven Cottage biex b’hekk irritornaw fil-quċċata tal-Premier League fejn qabżu lil Arsenal għall-ewwel darba min-nofs Frar. Intant, il-ġurnata kienet suċċess personali għall-attakkant Norveġiż Erling Haaland li skorja l-50 gowl tal-istaġun fil-kompetizzjonijiet kollha. Haaland anki laħaq ir-rekord għall-aktar gowls (34) skurjati għal staġun wieħed fil-Premier League Ingliż li kienu waqqfu Andy Cole għal Newcastle United fl-istaġun 1993-94 u Alan Shearer għal Blackburn sena wara. City kellhom jistennew biss tliet minuti għall-vantaġġ u li wasal minn penalty għall-fawl ta’ Tim Ream fuq Julian Alvarez – b’Haaland ma jfallix mill-ħdax-il metru. Fulham irreaġew tajjeb u rnexxielhom jiksbu d-draw mal-15-il minuta minn Carlos Vinicius li għeleb lil Ederson b’xutt b’saħħtu fuq l-assist ta’ Harry Wilson. Iżda City komplew juru li huma tim irreżistibbli, b’Jack Grealish jara tentattiv jaħbatlu mal-lasta u b’Alvarez jerġa jiftaħ il-vantaġġ b’xutt imprendibbli minn tarf il-kaxxa. Is-Citizens minn dak il-ħin ikkontrollaw ir-riżultat biex issa għandhom vantaġġ ta’ punt fuq Arsenal u meta huma anki lagħbu logħba anqas mill-Gunners ta’ Mikel Arteta.
F’partita mill-isbaħ f’Anfield Liverpool għelbu lil Tottenham 4-3 bi tmiem drammatiku f’din il-partita. Kienu Liverpool li marru 3-0 fil-vantaġġ sal-40 minuta b’gowls minn Curtis Jones, Luiz Diaz u penalty ta’ Mohamed Salah. Tottenham daħlu fil-partita ftit qabel il-mistrieħ permezz ta’ Harry Kane. Fit-tieni taqsima Tottenham irnexxielhom ukoll iġibu l-iskor indaqs meta fis-77 minuta kien Son Heung-min li għamilhom 3-2 biex mbagħad kien Richarlison li fit-tielet minuta tal-ħin miżjud ġab l-iskor indaqs. Iżda minn żball difensiv ta’ Tottenham kien Diogo Jota li skorja dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa għal Liverpool għal skor finali ta’ 4-3.
Manchester United għamlu pass kbir lejn il-kwalifikazzjoni għaċ-Champions League b’rebħa minima, 1-0, fuq Aston Villa f’Old Trafford. Il-mument importanti wasal minn Bruno Fernandes li b’hekk skorja l-100 gowl fil-karriera tiegħu u li kien biżżejjed biex itemm is-sekwenza ta’ għaxar logħbiet mingħajr telfa għall-Villains. United kienu aħjar mill-avversarji għal ħafna ħinijiet u sitt minuti mill-mistrieħ, Fernandes irnexxielu jsib ix-xibka minn angolu diffiċli wara li l-gowlkiper Emiliano Martinez salva parzjalment ix-xutt ta’ Marcus Rashford. Ir-Red Devils, tul il-logħba, ħlew sensiela ta’ okkażjonijiet biex jirduppjaw u Villa marru viċin ħafna tad-dro meta Ezri Konsa kważi għeleb lill-gowlkiper de Gea mill-viċin waqt azzjoni minn korner. Din ir-rebħa tfisser li United għandhom vantaġġ komdu fuq il-klabbs li qed jissieltu għal post mal-ewwel erbgħa b’Aston Villa, fil-preżent, jinsabu b’distakk ta’ disa’ punti mar-Red Devils wara li tilfu l-opportunità biex jaqtgħu dan il-vantaġġ għal tlett punti biss.
Newcastle United ikkonsolidaw it-tielet post fil-Premier League ( b’vantaġġ ta’ żewġ punti fuq Man Utd) b’rebħa, 3-1, fuq Southampton f’St James Park u għal riżultat li kważi jikkundanna lis-Saints għal The Championship. Fil-fatt, it-tim ta’ Ruben Selles għadu f’qigħ il-klassifika, bi żvantaġġ ta’ sitt punti mat-tims f’xifer iz-zona l-ħamra. Kienu Southampton li kisbu vantaġġ sorpriża minn Stuart Armstrong li, qabel il-mistrieħ, dawwar għal ġewwa l-pass ta’ Kamaldeen Sulemana. Iżda Newcastle kisbu d-dro kmieni fit-tieni taqsima mis-sostitut Callum Wilson li xeħet ġewwa mill-viċin u bl-istess plejer, wara, ikollu gowl ieħor imħassar mill-VAR. Madankollu, il-vantaġġ għall-Geordies wasal xorta meta Theo Walcott ikkommetta awtogol fuq korner, b’Wilson jiskorja t-tielet u l-aħħar gowl għal Newcastle meta dar mal-gowlkiper, McCarthy, biex jixħet f’xibka vojta.
Bournemouth kisbu rebħa oħra imprezzabbli, 4-1, għall-ispejjeż ta’ Leeds United – b’talaħħar ikomplu jsofru kwantità kbira ta’ gowls waqt l-aħħar impenji tal-kampjonat u meta żdiedulhom il-problemi lejn in-naħat t’isfel tal-Premier League. Jefferson Lerma skorja darbtejn (20 u 24) wara ftuh qawwi taċ-Cherries, b’Leeds inaqqsu d-distakk sal-mistrieħ b’header ta’ Patrick Bamford fuq il-kross ta’ Wilfried Gnonto. Fit-tieni taqsima, Bournemouth xeħtu kollox fuq l-attakk u kienu premjati fit-53 minuta meta Dominic Solanke għeleb lil Illan Meslier għat-tielet darba. Il-gowlkiper taċ-Cherries, Neto, imbagħad salva fuq it-tentattivi ta’ Roca, Koch u Gnonto – bis-sostitut Antoine Semenyo jgħaqqad il-poker għal Bournemouth sekondi qabel it-tmiem, b’xutt li għadda minn taħt żaqq Meslier. B’hekk Leeds jinsabu fis-sittax il-post tal-klassifika, b’punt wieħed biss ‘il fuq mir-relegation zone, l-istess bħal Nottingham Forest li għandhom goal average inferjuri għall-Yorkshiremen.
//= $special ?>