“Mill-Oppożizzjoni se nissokta naħdem bla heda biex inkunu gvern alternattiv. Bħala Partit Nazzjonalista rridi li nibqgħu naħdmu u nirsistu biex Għawdex ikun prijorità u l-Għawdxi ma jitqies qatt bħala xi ċittadin tas-sekonda klassi.”
“Aħna se nibqgħu naħdmu biex niddefendu lill-ekonomija Għawdxija, lit-turiżmu f’Għawdex, lill-ambjent, l-iżvilupp, is-sigurtà, lill-familji, liż-żgħażagħ u lill-anzjani tagħna f’Għawdex. Irridu nerġgħu nagħtu lill-Għawdxin dak l-Isptar Ġenerali li jixirqilhom mhux kif għamel dan il-Gvern Laburista li serqilhom l-uniku sptar pubbliku li għandna hawn f’Għawdex.”
Din id-dikjarazzjoni għamilha d-Deputat Nazzjonalista Alex Borg li hu l-Kelliem dwar Għawdex f’isem il-Partit Nazzjonalista u li miegħu trattajna diversi suġġetti attwali.
Alex Borg beda biex tkellem dwar id-dekasteru ta’ Għawdex u qal li t-temi prinċipali u attwali huma s-saħħa, is-sigurtà, l-infrastruttura, l-ambjent u l-iżvilupp kif ukoll ix-xogħol ta’ kwalità għall-Għawdxin f’Għawdex stess.
Dwar is-settur tas-Saħħa Alex Borg fisser li kulħadd jaqbel li dan is-settur hu s-sinsla tas-soċjetà. Gvernijiet immexxija mill-Partit Nazzjonalista dejjem taw prijorità lis-Saħħa inġenerali, speċjalment f’Għawdex fejn hu evidenti, anki mill-Isptar preżenti, li kien proprju investiment ta’ Gvern Nazzjonalista.
Minn naħa l-oħra Gvern immexxi mill-Partit Laburista mhux talli nesa lis-settur tas-Saħħa f’Għawdex, imma talli kisser kompletament dan is-settur tant importanti b’deċiżjonijiet ħżiena u b’numru ta’ wegħdiet li ma wettaqx.
Hu fakkar li hekk kif fl-2013 tela’ fil-poter, Gvern immexxi mill-Partit Laburista daħal f’kuntratt ta’ konċessjoni ma’ Vitals Global Healthcare fejn dawn il-barranin obbligaw ruħhom li jingħataw minn wara dahar il-poplu tliet sptarijiet ewlenin f’Malta, fosthom l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Fir-rigward tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, huma wiegħdu li se jibnu sptar ġdid li kellu jkun stat of the art b’400 sodda u li jiżdiedu ħafna servizzi ġodda fuq dak li hemm.
Illum il-ġurnata kulħadd hu konxju mill-fatt li ma kien hemm l-ebda forma ta’ investiment fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u saħansitra ħafna servizz li kienu qed ikunu offruti qabel il-konċessjoni, tneħħew kompletament. Iva, is-settur tas-Saħħa f’Għawdex illum mar lura qatigħ tant li ta’ kuljum għadd ta’ pazjenti jkollhom iterrqu lejn Malta biex jingħataw xi forma jew oħra ta’ kura fl-Isptar Mater Dei flok f’Għawdex stess.
Fil-fatt hu ċar daqs il-kristall li l-ambulanza qiegħed ikollha taqsam minn Għawdex għall-Isptar Mater Dei mill-inqas tliet darbiet kuljum bil-pazjenti u dan minħabba nuqqas ta’ servizzi bażiċi li tneħħew mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Alex Borg kompla li servizzi essenzjali bħall-MRI u l-kimoterapija ilhom imwiegħda li se jibdew ikunu pprovduti fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għal ħafna snin iżda sa issa l-ebda minn dawn is-servizzi mhu jkun offrut fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
“Tajjeb li nirriferi wkoll għall-kwistjoni tal-halipad li tneħħa mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u għalhekk meta jkun hemm sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fejn ikun hemm il-ħajja ta’ xi ħadd fin-nofs, issa qed jintuża l-heliport f’Għajnsielem u għalhekk qed ikun hemm ħafna telf ta’ ħin fejn kull minuta tista’ tfisser ħajja jew mewt.
“Apparti mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, hemm ukoll il-kwistjoni tal-Klinika tar-Rabat Għawdex fejn din inbniet, kif kien imwiegħed minn Gvern Laburista, iżda wara aktar minn erba’ snin għadha ma bdietx tiffunzjona!”
Is-sitwazzjoni fil-Klinik aattwali tar-Rabat Għawdex hi li din mhix tal-livell mixtieq u skont dak li jitolbu ż-żminijiet tal-lum u għalhekk il-bżonn li tibda titħaddem il-Klinika l-ġdida għandha tkun priorità tal-Gvern preżenti.
Mistoqsi dwar l-aspett tas-sigurtà f’Għawdex, Alex Borg fisser li lil Għawdex kulħadd jiftakru u minn dejjem kien rinomat bħala post sigur fejn saħansitra kien hemm żmien fejn il-familji Għawdxin kienu jafdaw iċ-ċwievet mal-bieb ta’ barra.
“Illum is-sitwazzjoni nbidlet għalkollox fejn fl-aħħar xhur rajna żieda qawwija fil-kriminalità f’Għawdex. Rajna sensiela ta’ serqiet. Żieda fit-traffikar tad-droga. Żieda fil-ġlied.
“Dan kollu seħħ minħabba diversi raġunijiet, fosthom il-bidla demografika fil-gżira Għawdxija fejn rajna influss kbir ta’ barranin, żieda ta’ problemi soċjali li minn Malta jispiċċaw f’Għawdex u anki bidla fil-mentalità. Dan kollu qed joħloq biża’ fost ir-residenti Għawdxin u mhux qed ikun kumbattut kif suppost.”
Hu kompla li l-Korp tal-Pulizija f’Għawdex nixef kompletament u “llum qed naraw kif hemm nuqqas kbir ta’ riżorsi umani u ta’ riżorsi finanzjarji fil-Korp tal-Pulizija f’Għawdex.
“In-nuqqas ta’ riżorsi umani fil-Korp tal-Pulizija jinħass kullimkien, iżda dejjem sħaqt kif Għawdex, meta niġu għall-Korp tal-Pulizija, għandu jitqies bħala distrett kompletament differenti mid-distretti ta’ Malta.
“Meta jkollok nuqqas ta’ riżorsi umani fil-Korp tal-Pulizija f’distrett f’Malta, wieħed jista’ faċilment jagħmel użu minn riżorsi umani li jkun hemm f’distretti oħrajn fil-viċinanza. F’Għawdex trid taħdem b’li hemm minħabba l-insularità li hemm.”
Alex Borg kompla li wieħed ra wkoll kif minkejja ż-żieda fit-traffikar tad-droga, il-Kummissarju tal-Pulizija għażel li jwaqqaf milli tkompli tiffunzjona lill-Iskwadra tad-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali li taħtha kienet taqa’ r-responsabbiltà tal-ġlieda lid-droga. Dan biex jiftaħ Dipartiment ieħor li jissejjaħ District Sapport Unit!
“Dan kollu jfisser li l-kriminalità f’Għawdex qed tkompli tiżdied, iżda min-naħa l-oħra l-ammont ta’ Pulizija f’Għawdex qiegħed dejjem jonqos!”
Alex Borg kompla li: “Ilna żmien nitolbu għat-tielet Spettur f’Għawdex u dan biex ix-xogħol tal-Pulizija jkun jista’ jinqasam u jitqassam ħafna aktar aħjar bejn tliet Spetturi.
“Hu fatt magħruf kif f’Għawdex mill-Għases tal-Pulizija kollha fl-irħula jirriżulta li tnejn biss ikunu miftuħa… dik tar-Rabat u dik tax-Xatt. Mill-bqija l-Għases tal-Pulizija l-oħra jinfetħu għal numru ta’ sigħat biss kuljum jew litteralment huma magħluqa.
Tkellimna mbagħad dwar il-kwistjoni tal-infrastruttura u Alex Borg fisser kif is-sitwazzjoni tat-toroq f’Għawdex qatt ma kienet fl-istat tant ħażin kif inhi llum. Mhux talli t-toroq spiċċaw fi stat tant gravi, imma talli l-Gvern preżenti ddeċieda li fil-Baġit għal din is-sena n-nefqa fl-infrastruttura Għawdxija tonqos bi €3 miljun.
“Meta niġu għat-toroq inħobb infakkar kif Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista f’Għawdex bena t-triq prinċipali tax-xatt, it-triq prinċipali tar-Rabat, it-triq tad-Dwejra, it-triq li tagħti għal Ta’ Pinu u t-triq li tagħti għax-Xlendi. Dawn it-toroq kollha ma kenux ġew jiswew aktar minn €30 miljun.
Min-naħa l-oħra Gvern immexxi mill-Partit Laburista dam snin twal biex iffinalizza triq mhux tant prinċipali li mix-Xatt tagħti għan-Nadur. Din it-triq biss, waħidha, ġiet tiswa ċirka €25 miljun meta l-baġit oriġinali tagħha kien stmat li se jkun ta’ €8 miljun. Jirriżulta fil-fatt li dak il-proġett għadu mhux konkluż sal-ġurnata ta’ llum minħabba li l-Gvern qed isibu komdu biex fih jitfa’ kull tip ta’ xogħol ieħor – inkluż biex jaqdi lill-privat – u għal dawn l-abbużi hemm l-iskuża ta’ dan il-proġett kapitali! Bla dubju ta’ xejn li kieku xi ħadd kellu jinvestiga sew dan il-kuntratt u x-xogħlijiet li saru jasal biex isib diversi affarijiet mill-aktar interessanti.
Mistoqsi dwar l-istat tat-toroq f’Għawdex, Alex Borg fisser li hemm numru konsiderevoli ta’ toroq li qed jibku biex fihom isiru xogħlijiet infrastrutturali meħtieġa biex ikunu tajbin kemm għal skop ta’ sewqan u anki għar-residenti Għawdxin.
Hu semma bħala eżempji Triq San Blas u Triq it-Tiġrija li huma fin-Nadur, diversi toroq fir-Rabat, it-Triq tal-Għajn fil-Fontana, it-Triq li tagħti għall-Għasri… u diversi toroq oħra mxerrda f’Għawdex. Dawn it-toroq jeħtieġ li jkun hemm investiment fuqhom biex kemm ir-residenti kif ukoll it-turisti lokali u barrani li jżuru Għawdex ikunu jistgħu jsuqu mingħajr perikli żejda.
“Kulħadd jaqbel kemm l-ambjent f’Għawdex hu importanti u kważi kważi jifforma parti mill-identità Għawdxija. Dejjem smajna u għadna nisimgħu bl-importanza tal-iżvilupp sostenibbli, iżda tant kemm din il-kelma ntużat li qatt ma ngħatat il-veru importanza li tassew ħaqqha. Illum il-ġurnata l-kliem “żvilupp sostenibbli” saru sempliċiment buzz words u din hi tassew ħasra.
“Jien dejjem emmint fl-importanza tal-progress f’Għawdex. Għawdex ma jistax jinżamm qisu xi presepju, iżda l-progress ma jistax ikisser l-identità u l-karatteristiċi li jagħmlu lil Għawdex djamant.
“Għalhekk dejjem emmint u qed naħdem fil-Parlament Malti biex issir policy speċjali għal Għawdex ħalli nimxu fid-direzzjoni ta’ żvilupp sostenibbli u hekk insibu l-bilanċ bejn il-progress u l-ambjent ta’ madwarna.”
Dwar il-kwalità tax-xogħol għall-ħaddiema f’Għawdex, Alex Borg sostna li Gvern Laburista dejjem wiegħed xogħol ta’ kwalità għall-Għawdxin f’Għawdex stess… iżda anki hawn hekk falla bl-ikrah. “Fil-fatt wieħed mill-proġett li għamel Gvern Laburista kien proprju l-Gozo Innovation Hub fejn konna mwiegħda li dan il-proġett se jattira xogħol ta’ kwalità fil-farmaċewtika, fis-servizzi finanzjarji, fil-gaming u f’setturi oħrajn.
“Iżda llum il-ġurnata nafu li dan il-proġett kien falliment komplet hekk kif dan il-proġett ma rnexxielux jattira lil dawk il-kumpaniji li suppost kienu interessati li jaħdmu minnu.
“Il-Gvern Laburista fil-verità jaċċella biex joffri xogħol bil-prekarjat u b’kundizzjonijiet miżeri u b’pagi tal-minimun wage. Min-naħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista dejjem emmen li kulħadd għandu jingħata l-opportunità li jkollu xogħol ta’ kwalità tajba, pagi deċenti u b’kundizzjonijiet tajbin u b’xogħol li jagħti s-serħan tal-moħħ liż-żgħażagħ, lill-familji u lill-koppji li għadhom jibdew il-ħajja.
“Illum il-ġurnata għandna Gvern Laburista li qiegħed f’kompetizzjoni mal-privat fejn minflok jipprovdi xogħol għall-persuni li qegħdin fil-qgħad, qiegħed litteralment jisraq lill-ħaddiema mingħand il-kumpaniji privati biex jidħlu mal-Gvern!”
Alex Borg kompla li dan ifisser li llum għandna prova ċara oħra fejn qed naraw id-differenza bejn Gvern Nazzjonalista u Gvern Laburista. Gvern Nazzjonalista dejjem investa u ta l-għodod neċessarji biex kull kumpanija privata tista’ tkompli timraħ u tinvesti fil-gżira ta’ Għawdxija.
Mistoqsi dwar l-interkonnettività, Alex Borg qal li meta nitkellmu dwar l-interkonnettività llum il-ġurnata nsemmu lill-Gozo Channel u l-fast ferry.
“Dwar il-Gozo Channel tajjeb li ngħidu li Gvern Laburista investa fir-raba’ vapur li naqqas il-ħin li wieħed irid jistenna biex jaqsam il-fliegu. Iżda r-raba’ vapur li investa fih il-Gvern Laburista hu eqdem mit-tliet vapuri l-oħra; mikri għal €14,000 kuljum u għandu nuqqas kbir ta’ aċċessibbiltà.
“Dan ukoll juri bl-aktar mod ċar id-differenza bejn tmexxija Nazzjonalista għal dik Laburista. Gvern Nazzjonalista kien investa fi tliet vapuri totalment ġodda li għadna nagħmlu użu minnhom sal-ġurnata ta’ llum.
“Meta niġu għall-interkonnettività għandna wkoll il-fast ferry li ta alternattiva lill-Għawdxin u lill-Maltin biex jaqsmu l-fliegu. “Oriġinarjament dan is-servizz kien beda tajjeb u bi skeda adekwata iżda din l-iskeda spiċċat ridotta b’tali mod li persuni li kienu jagħmlu użu mill-fast ferry ma baqgħu jużawh.”
Hu żied li filwaqt li l-Gvern Laburista għamel talba lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħtih permess li jagħti state aid lill-operaturi tal-fast ferry, l-istess Gvern Laburista kaxkar saqajh u ma għamilx pressjoni biex l-iskeda tkun magħmula għall-benefiċċji ta’ dawk li jagħmlu użu minn dan is-servizzi.
Wara ħafna pressjoni mill-Oppożizzjoni, din l-iskeda eventwalment inbidlet għall-aħjar tal-poplu Malti u Għawdxi.
Alex Borg, mistoqsi dwar il-way forward għal Għawdex, wieġeb li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tibqa’ taħdem biex Għawdex ikun prijorità u l-Għawdxi ma jitqies qatt bħala xi ċittadin tas-sekonda klassi.
“Aħna se nibqgħu naħdmu biex niddefendu lill-ekonomija Għawdxija, lit-turiżmu f’Għawdex, lill-ambjent, l-iżvilupp, is-sigurtà, lill-familji, liż-żgħażagħ u lill-anzjani tagħna f’Għawdex,” temm Alex Borg.
//= $special ?>