Futbol Sport

Napoli jonqsu milli jaċċertaw mir-rebħ tal-Kampjonat

(Ritratt: EPA)

Napoli naqsu milli jaċċertaw mir-rebħ tal-Kampjonat wara li f’darhom kienu miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Salernitana. Napoli marru fil-vantaġġ wara 62 minuta permezz ta’ Mathias Olivera. Salernitana ġabu l-iskor indaqs fl-84 minuta permezz ta’ Boulaye Dia.

Inter dawru telfa f’rebħa meta għelbu lil Lazio 3-1. Lazio fil-vantaġġ wara nofsiegħa logħob permezz ta’ Felipe Anderson. Inter bdew ir-rimonta tagħhom fl-aħħar 12-il minuta. L-ewwel kien Lautaro Martinez li ġab l-iskor indaqs b’Robin Gosens jagħmilhom 2-1. Lejn it-tmiem reġa kien Martinez li għamel l-iskor 3-1.

Juventus kienu miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Bologna. Penalty ta’ Riccardo Orsolini poġġa lil Bologna fil-vantaġġ wara 10 minuti. Juventus naqsu milli jġibu l-iskor indaqs meta Arkadiusz Milik falla penalty bl-istess player aktar tard iġib jiskorja l-gowl tad-draw għal skor finali ta’ 1-1.

Rebħa kbira ta’ 5-0 għal Fiorentina fuq Sampdoria. Il-gowls tal-Viola waslu minn Gaetano Castrovilli, Dodo, Alfred Duncan, Christian Kouame u Aleksa Terzic.

Sassuolo kisbu rebħa ta’ 2-1 fuq Empoli. Empoli fil-vantaġġ permezz ta’ Nicolo Cambiaghi. Sassuolo għamlu rimonta fl-aħħar tmien minuti minkejja bi player anqas, bil-gowls jaslu permezz ta’ doppjetta ta’ Domenico Berardi.

Draw bejn Verona u Cremonese bl-iskor ta’ 1-1. David Okereke għamilhom 1-0 għal Cremonese. Verona ġabu l-iskor indaqs fil-75 minuta permezz ta’ Simone Verdi.