Lokali Unjoni Ewropea

19-il sena mid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea

Mat-tokki ta’ nofs il-lejl tal-1 ta’ Mejju 2004… proprju 19-il sena ilu, il-Maltin u l-Għawdxin …bħala poplu wieħed… iċċelebraw is-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.

Iċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mas-sħubija tal-Unjoni Ewropea kienu laħqu l-qofol tagħhom fiż-żona tal-Port il-Kbir, hekk kif pajjiżna sar uffiċjalment membru tal-Unjoni Ewropea bil-bandiera ta’ Malta tittajjar għall-ewwel darba maġenb il-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Dakinhar, Malta, flimkien ma’ disa’ pajjiżi oħra, issieħbet f’din l-Unjoni wara mixja twila, u negozjati iebsin. Pajjizna kellu wkoll jaffaċja referendum missielet sena qabel b’kampanja qalila mill-Partit Laburista, illi kien kontra li Malta tieħu postha mal-bqija tal-pajjiżi Ewropej.

Fit-8 ta’ Marzu 2003, il-poplu Malti vvota f’referendum nazzjonali fejn 54% ivvutaw favur sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Min-naħa tiegħu, il-Mexxej Laburista Alfred Sant qal li l-partnership rebaħ u qal li l-uniku riżultat li jorbot hu dak ta’ elezzjoni ġenerali. Dan wassal biex dakinhar stess li tħabbar ir-riżultat tar-referendum, il-Prim Ministru Eddie Fenech Adami sejjaħ elezzjoni ġenerali li kkonferma r-rieda tal-poplu Malti li jissieħeb fl-Unjoni Ewropea.

Pajjiżna kien daħal formalment fl-Unjoni Ewropea proprju fl-1 ta’ Mejju tal-2004 wara li fis-16 ta’ April tal-2003, il-Prim Ministru Eddie Fenech Adami flimkien mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Joe Borg kienu ffirmaw it-trattat ta’ sħubija fil-Greċja.

Grazzi għall-fondi Ewropej, f’Malta, matul is-snin saru ammont ta’ proġetti fosthom fis-settur tas-saħħa, dak edukattiv, proġetti ambjentali u bosta oħrajn.  Apparti l-miljuni kbar li pajjiżna rċieva mill-Unjoni Ewropea, is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea wasslet ukol biex pajjiżna ssieħeb fiż-żona Ewro, it-tieni l-akbar munita fid-dinja.