Lokali

Abela jinjora lill-ħaddiema tal-Air Malta u tas-Saħħa f’Jum il-Ħaddiem

Fl-1 ta’ Mejju, il-Labour tkellem dwar is-settur tal-kostuzzjoni – iżda imkien ma semma’ t-traġedja ta’ Jean Paul Sofia. Semma’ ċ-ċekkijiet, iżda imkien ma qal kif se jindirizza l-mostru tal-għoli tal-ħajja. Ftaħar bl-ispazji miftuħa, iżda fl-ebda mument ma skuża ruħu għall-mossa li għamel mar-residenti tal-Gżira.

Dawn kienu uħud mill-punti li spikkaw fid-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela, hekk kif f’Jum il-Ħaddiem ħabbar li se jkun qiegħed jerġa’ jqassam iċ-ċekkijiet.

U tant kemm huwa konxju li l-poplu qiegħed jidra din il-mossa, li mal-ewwel fetaħ partiġġjan.

Waqt il-meeting tal-Labour quddiem il-Parlament għal Jum il-Ħaddiem Abela prova jinġabar mal-ħaddiema Maltin u Għawdxin jiem wara li l-issa eks Deputata Laburista Rosianne Cutajar saħqet li kulħadd kien qiegħed jitħanżer; b’referenza għall-membri tal-Gvern tal-Labour.

Dan fl-istess waqt li l-ħaddiema tal-Air Malta m’għandhomx l-iċken idea ta’ x’se jiġri mill-impjieg tagħhom – kif se jkunu qed isostnu lill-familthom wara li tħabbar li l-linja nazzjonali tal-ajru se tkun qiegħda tagħlaq.

Id-diskors ta’ Abela kien deskritt bħala surreali meta wieħed jara s-sitwazzjoni li l-ħaddiema tas-saħħa jinsabu fiha għad-detriment mhux biss tal-ħaddiema iżda saħansitra tal-pazjent.

Il-Mexxej Laburista insista li l-Gvern immexxi minnu minflok żied il-piżijiet naqqashom – iżda bosta familji Maltin u Għawdxin urew l-għadab tagħhom saħansitra fuq il-midja propogandistika tal-Labour fejn insistew li s-suppost partit tal-ħaddiem nesihom għal kollox – bl-għoli tal-ħajja ikompli jagħfas b’żidiet ġimgħa wara l-oħra.

Fl-aħħar xhur u snin Malta u Għawdex kienu xhieda ta’ stejjer traġiċi umanitarji deskritti mill-professjonisti bħala skjavitù moderna ….bl-introduzzjoni ta’ madwar 100,000 barrani fil-maġġoranza tagħhom jitħadmu biċ-cheap labour għad-detriment mhux biss tagħhom – iżda anke tal-impjegati Maltin u Għawdxin li jaraw l-pagi tagħhom jitnaqqru ftit ftit.

Deċiżjonijiet traġiċi li saħansitra wasslu għall-mewt ta’ żagħżugħ, Jean Paul Sofia..b’ħajtu maħtufa fil-post tax-xogħol 5 xhur ilu taħt it-tifrik ta’ 4 sulari konkos…fatt li Abela qed jibqa’ jinjora minkejja l-appelli ta’ ommu jum wara l-ieħor.

Iżda skont Abela hu maż-żgħir u  t-Tnejn waranofsinhar ġie quddiem in-nies b’wiċċu minn quddiem.

Waqt dan il-meeting, Abela iddeċieda li jkompli jinjora l-ħaddiema f’siti ta’ kostruzzjoni, il-familji li mhux ilaħqu sa tlett ġimgħat tax-xahar, il-ħaddiema tal-Air Malta li ma jafx x’se jiġri minnhom, il-ħaddiema tas-saħħa li minkejja l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom ikollhom xorta waħda jagħtu l-massimu lejn il-pazjenti….waqt li dawk fil-kuriduri ta’ Kastilja jkomplu jitħanżru minn fuq it-taxxi tal-poplu.