Marilyn Sammut, li hija ħaddiema żagħżugħa tkellmet fuq l-iskandlu tat-tliet sptarijiet fejn il-Gvern Laburista seraq 400 miljun ewro minn ħalq il-poplu Malti u Għawdxi u tahom lil Vitals u Steward u, spiċċa biex ħalla l-ħaddiema li jaħdmu fis-settur tas-saħħa b’kundizzjonijiet li ma jixirqilhomx.
Konsegwenza ta’ dan, minflok il-poplu Malti u Għawdxi qiegħed jingħata il-kura li verament tixraqlu, qed jispiċċa mitluq fil-kurutri tal-Isptar, u b’ammont qawwi ta’ mediċina out of stock.
“Immaginaw x’setgħa sar b’dawk l-400 miljun. Kemm stajna ntejbu s-servizz tas-saħħa f’pajjiżna. Kemm stajna nagħtu kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar lil nies li jaħdmu fis-settur tas-saħħa. Kemm stajna nagħtu riżorsi lil Pulizija ħalli jieħdu azzjoni f’każijiet simili ta’ Bernice Cilia. Kemm stajna nagħmlu proġetti ambjentali biex intejbu l-kwalita ta’ ħajjitna.”
Marilyn Sammut tkellmet ukoll dwar l-inkjesta tal-Imħallef Emeritus Jeffrey Valenzia dwar il-qtil ta’ Bernice Cassar fejn ikkonkludiet li l-Korp tal-Pulizija m’għandux ir-riżorsi meħtieġa biex ilaħħaq mal-ammont ta’ xogħol li l-membri tal-Korp qed jiffaċċjaw ta’ kuljum.
Qed ngħixu f’pajjiż li inkjesta li għamel il-Gvern stess dwar il-mewt ta’ Bernice nee Cilia isib li n-nuqqas tal-Gvern ta’ Robert Abela biex jinvesti fil-korp tal-Pulizija biex ikollhom ir-rizorsi meħtiega wassal biex ikun hemm femiċidju ieħor. X’jiswa li nbidlu l-ligijiet u nħarxu l-pieni biex imbagħad il-pulizija ma jinghatawx ir-rizorsi li għandhom bżonn biex ikunu jistgħu jipprotegguna?”
Hija appellat liż-żgħażagħ sabiex isemmgħu leħinhom u ma jibzgħux jersqu lejn il-Partit Nazzjonalista għaliex il-Partit Nazzjonalista ser jibqà jaħdem favur iż-żgħażagħ, favur dawk l-aktar li huma vulnerabli fis-soċjetà u fuq kollox favur il-ħaddiem.
“Aħna ż-żgħażagħ iridu pajjiz aħjar. Aħna żgħażagħ li naħdmu biex inkunu nistgħu inlaħqu mal-ħajja iridu futur aħjar għal pajjiżna. U Iva, Jien nemmen li pajjiżna jista jkollu futur aħjar. Nistgħu nibdlu d-direzzjoni li qbadna. Ejjew ningħaqdu lkoll flimkien, irrispettivament mil-backgrounds tagħna, irrispettivament mil-Partiti Politici, ejjew naħdmu biex nindirizzaw l-problemi li qed jiffaċċja pajjiżna. Jien nemmen li nistgħu nindirizzaw dak li qed jinkwieta lilna ż-żgħażagħ, li jkollna stat li jkun verament solidari ma dawk l-iktar vulnerabli u mal-ħaddiema. Ejjew naħdmu ghal Malta ahjar, ghax pajjiżna jixraqlu l-aħjar.”
//= $special ?>