Lokali

ILLUM: Il-protesta organizzata mill-PN bit-tema ‘Nagħtu s-saħħa lill-ħaddiem’

Ningħaqdu biex nibagħtu messaġġ qawwi favur il-ħaddiem Malti u Għawdxi - Michael Piccinino

Michael Piccinino, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, għamel appell biex ILLUM dawk kollha ta’ rieda tajba u li jkunu jistgħu, jilqgħu l-istedina tal-Partit Nazzjonalista għal protesta bejn l-Isptar San Luqa u l-binja tal-Public Broadcasting Services (PBS) “bl-iskop li flimkien nibagħtu messaġġ b’saħħtu lil Robert Abela li dan il-pajjiż jixraqlu tmexxija ferm aħjar u li dan il-poplu jixraqlu l-aqwa u l-aħjar biss”.

Michael Piccinino beda biex qal li s-sinifikat tal-Ewwel ta’ Mejju hu partikulari kemm għall-pajjiż, kemm għall-poplu Malti u Għawdxi, imma anki għall-Partit Nazzjonalista li jgħożż ħafna dan il-perjodu kemm għaliex ifakkruna fil-kisbiet importanti li twettqu b’risq il-ħaddiem Malti u Għawdxi u anki minħabba d-deċiżjoni storika tad-dħul ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.

Fl-aħħar dsatax-il sena, il-Partit Nazzjonalista ċċelebra bis-sħiħ l-Ewwel ta’ Mejju grazzi għall-fatt li l-Partit Nazzjonalista hu kburi li kien fuq in-naħa t-tajba tal-istorja u daħħal lil pajjiżna fl-Unjoni Ewropea… l-aqwa akkwist li qatt seta’ jagħmel il-Partit Nazzjonalista wara l-kisba tal-Indipendenza… kisba li minnha qed jibbenefika pajjiżna iżda wkoll il-poplu Malti u Għawdxi.

Michael Piccinino kompl li d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea wassal biex pajjiżna gawda ħafna minn din is-sħubija, fosthom il-ħaddiema Maltin u Għawdxin li ħadu diversi drittijiet ġodda u nfetħulhom diversi bibien ġodda ta’ opportunitajiet li qabel ma kenux jeżistu.

“Aħna se nkomplu nimbottaw il-valuri Ewropea u nimbottaw dak kollu li jagħmilna pajjiż kburi fejn il-bniedem jiġi u jkun tassew fiċ-ċentru tal-politika. Bil-fatti u mhux bħal ħaddieħort li jgħid li hu l-Partit tal-Ħaddiem, iżda li mbagħad ikasbar id-drittijiet tal-ħaddiema għax l-istorja turina li l-Partit Laburista mhux veru li jipproteġi l-veru interessi tal-ħaddiema.

“Hu l-Partit Nazzjonalista li għal snin twal irrappreżenta lill-faxex kollha tal-ħaddiema f’pajjiżna. Tant hu hekk li dejjem stqarr li l-ħaddiema huma fil-qalb tal-Partit Nazzjonalista. Dan jikkontrasta mal-Partit Laburista li llum aktar minn qatt qabel hu moħħu biex dawk fil-qalba tiegħu jitħanżru u jiffangaw,” tenna Michael Piccinino.

Hu kompla li hu fatt ta’ ironija iebsa ħafna dik li għandek il-poplu jissielet biex jipprova jlaħħaq mal-għoli tal-ħajja, iżda mbagħad hemm dawk ta’ ġewwa li qed jitħanżru u jitħanżru.

Fl-isfond ta’ dan kollu l-Partit Nazzjonalista għandu responsabbiltà ferm akbar li jkun it-tarka u l-protezzjoni għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin, aktar u aktar meta għandna Prim Ministru li m’għandu l-ebda viżjoni. Michael Piccinino kompla li mid-dħul ta’ Malta fl-

Unjoni Ewropea saru diversi proġett ġodda li kieku ma kenux ikunu possibbli li jsiru. Inkisbu diversi drittijiet ġodda. Infetħu orizzonti ġodda għaż-żgħażagħ tagħna. Saru proġetti kapitali mill-aktar importanti. Iddaħħlu wkoll liġijiet mill-aktar importanti. Dan kollu għandna ngħożżuh u nibżgħu għalih biex igawduh ukoll il-ġenerazzjonijiet futuri.

Mistoqsi dwar il-ħaddiema llum il-ġurnata, Michael Piccinino qal li hu jagħraf li l-pjan ekonomiku għal pajjiżna li ħoloq il-Ministru Clyde Caruana mhux wieħed li qed jirrendi ġid għal pajjiżna. Billi ħoloq importazzjoni ta’ eluf kbar ta’ ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea, illum kulħadd jistaqsi kif dan kollu nħoloq bla ebda pjan ta’ sostenibbiltà għaliex fl-aħħar mill-aħħar wieħed qed jesperjenza li l-ekonomija Maltija qed tikber biss għaliex iddaħħlu eluf kbar ta’ ħaddiema barranin bla pjan ta’ xejn.

Hu kompla llum qed nesperjenzaw li f’pajjiżna m’hawn l-ebda infrastruttura ppreparata biex tilqa’ għal din iż-żieda ta’ eluf ta’ ħaddiema barranin. U dan kollu qed joħloq għadd ta’ diffikultajiet serji għaliex hu ovvju li l-mudell ekonomiku li daħħal il-Gven Laburista mhux sostenibbli tant li hu l-istess Clyde Caruana li issa qed jgħid li pajjiżna għandu bżonn ta’ mudell ekonomiku ġdid.

Naturalment il-vittma ta’ dan in-nuqqas ta’ ppjanar hu l-ħaddiem li qed jesperjenza l-abbużi fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-abbużi fil-kwalità tax-xogħol u għalhekk hemm bżonn ta’ pjan ħolistiku biex il-ħaddiema jingħataw l-aqwa u l-aħjar u mhux ħafna ħaddiema huma mħaddma f’industriji fejn jirrenja l-prekarjat.

Michael Piccinino qal li l-protesta ta’ għada bejn l-Isptar San Luqa u l-binja tal-Public Broadcasting Services (PBS) hi importanti ħafna għaliex għandha l-iskop twassal il-messaġġ ċar dwar is-serqa tal-Gvern Laburista fil-konfront ta’ dak li għamel fil-qasam tas-Saħħa, iżda wkoll ta’ dak li qed jissokta jagħmel mill-PBS li dawru f’magna ta’ partiġġjaniżmu favur tiegħu u l-Partit Laburista.

“Wieħed jistenna li għada l-poplu jingħaqad biex jipprotesta kontra s-serqa ta’ €400 miljun li għamel il-Gvern Laburista meta ta l-isptarijiet lill-Vitals Global Healthcare u lil Steward Healthcare. Il-poplu Malti u Għawdxi għandu kull raġun jitlob flusu misruqa lura biex il-flus ikunu investiti mill-ġdid f’binja bħal dik tal-Isptar San Luqa li għandha terġa’ tibda sservi ta’ sptar rinnovat u modern għall-pazjenti tagħna.

“Dan hu diskors li jgħodd ukoll għall-pazjenti Għawdxin fejn minkejja l-ħafna wegħdiet li saru mill-Gvern, għadhom sal-lum mingħajr ma nbena sptar ġenerali ġdid kif tant għandhom bżonn,” qal Michael Piccinino.

Hemm imbagħad, kompla Michael Piccinino, il-kwistjoni tal-PBS fejn Robert Abela qed jagħmel minn kollox biex isikket il-vuċijiet li ma jaqblux mal-politika tiegħu.

Għalhekk għada se nwasslu messaġġ ċar li l-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu ferm aħjar. Jixraqlu ferm aħjar il-ħaddiem Malti u Għawdxi u l-Partit Nazzjonalista se jkun hemm biex ikun ta’ sostenn għall-istess poplu Malti u Għawdxi kollu, fosthom għall-familji, għaż-żgħażagħ u għall-anzjani tagħna.

Michael Piccinino temm jistieden lil kulħadd biex għada jingħaqad f’din il-protesta għaliex hu fl-interess ta’ kulħadd li jkollna ħaddiema stmati fil-post tax-xogħol tagħhom, li jkollna sistema ekonomika b’saħħitha, li jkollna Xandir li jirrispetta l-intelliġenza pubblika u li jkollna soċjetà fejn il-Ġustizzja titwettaq irrispettivament min int.