Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Tkompli x-xita tal- missili fuq l-ibliet tal-Ukreni ‘il bogħod mill-fronti tal-konflitt

A stuffed toy sits in the remains of a playground in the heavily damaged Saltivka suburb of Kherson, Ukraine, on Sept. 22. Vincent Haiges photos for Foreign Policy

I

Ir-Russja reġgħet sparat numru sostanzjali ta’ missili lejn l-ibliet tal-Ukrajna  bħala t-tieni offensiva ta’ dan it-tip fi spazju ta’ tlett ijiem.

L-azzjoni seħħet fost stennija kbira għal kontra-attakk mill-qawwiet Ukreni fuq iz-zoni tal-Ukrajna li għadhom okkupati mill-Armata tal-Kremlin – bil-missili tar-Russi jħallu l-akbar straġi fil-hub tal-loġistika ta’ Pavlohrad, viċin il-belt ta’ Dnipro.

Fil-fatt il-missili li laqtu l-inħawi ta’ Pavlohrad ikkaġunaw in-nirien kbar, fost għexieren ta’ midruba u b’numru sostanzjali ta’ djar jisfaw meqruda.

L-awtoritajiet lokali kienu qed jikkalkulaw il-vittmi fost id-daqq kontinwu tas-sireni għar-rejds tal-ajru u meta dawn l-attakki tar-Russi jistgħu huma fażi ġdida tal-gwerra li ilha għaddejja mis-sena l-oħra fl-Ukrajna.

L-amministrazzjoni militari Ukrena f’Dnipropetrovsk fissret l-attakki bil-missili bħala ‘l-azzjoni ta’ pajjiż kodard’ fost konferma li xi missili kienu laqtu sit industrijali, flimkien ma’ xi 20 blokk ta’ appartamenti, numru ta’ skejjel u kumplessi tal-kindergarten.

Dan fost rapporti li r-Russi użaw missili ‘ta’ preċiżjoni’ kontra l-infrastruttura tal-ferroviji u d-depots tal-fuel.

Il-belt ta’ Kiev, li hi l-kapitali tal-Ukrajna, ukoll spiċċat mira għall-missili tar-Russi għalkemm l-attakki, f’dan il-każ, sfumaw fix-xejn, bl-amministrazzjoni militari tisħaq li rnexxielha twaqqa’ l-missili u d-drones kollha li kienu diretti lejn il-kapitali u l-madwar.

Intant, ir-Russi anki bumbardjaw ir-reġjun ta’ Kherson li parti minnu għadu kontrollat mill-qawwiet ta’ Moska u f’dan il-każ, l-attakki tmexxew mill-ajruplani tal-gwerra u d-drones tal-Kremlin. Jidher li l-attakki fuq Kherson irriżultaw f’numru mhux ikkonfermat ta’ vittmi.