Lokali

“Naħdmu flimkien biex f’koalizzjoni inbiddlu lil pajjiżna u nassiguraw futur aħjar għall-ħaddiema”

Il-Maltin u l-Għawdxin iwieġbu għas-sejħa tal-Partit Nazzjonalista

Il-PN kommess li jkompli jsaħħaħ l-ekonomija, jibni setturi ekonomiċi ġodda u jiġbed xogħol ta’ kwalità b’pagi aħjar.

Hekk stqarr il-Kap tal-PN Bernard Grech fl-għeluq tal-protesta li ġiet organizzata llum bit-tema ‘Nagħtu Saħħa lill-Ħaddiem’ – bil-ġurnata tal-1 ta’ Mejju, dedikata għall-ħaddiem u fl-anniversarju tad-dħul ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.

Bernard Grech tkellem dwar il-piż tal-għoli tal-ħajja – fatt li kontinwament jiġi injorat mill-PBS. Bħalissa, stqarr il-Kap tal-PN, il-ħaddiema qed jaffaċjaw l-agħar għoli tal-ħajja fi 42 sena – fi żmien Gvern Laburista.

“L-għoli tal-ħajja huwa l-agħar taxxa fuq il-ħaddiem iż-żgħir”, qal Bernard Grech. U ddeskrivih ukoll bħala morsa fuq il-pensjonant. B’kuntrast ma’ din ir-realtà, “Robert Abela qed jagħżel lill-ħnieżer u lill-kriminali”.

Dwar iċ-ċekkijiet li se jibgħat il-Gvern, Bernard Grech kixef l-istrateġija li qed juża l-Gvern. “Din hija l-ħadma ta’ Robert Abela. Qed jagħti flus li huma bi dritt flus in-nies. U allura, effettivament mhu jagħti xejn lill-ħaddiema”, qal il-Kap tal-PN.

“Minflok, Robert Abela għandu jagħti l-miljuni ta’ ewro li insterqu minn but il-poplu f’deals korrotti”.

Meta tkellem dwar ix-xogħol, il-Kap tal-PN insista li anke hawn jeħtieġ pjan ċar; inkluż liema setturi għandhom bżonn aktar ħaddiema. Dan filwaqt li tkellem b’saħħa kontra dak li sejjaħ “skjavitu’ moderna” u abbużi fuq impjegati li qed jitħaddmu biċ-cheap labour. “Irridu nagħmlu minn kollox biex inwaqqfu dan l-abbuż”.

Fid-diskors tiegħu waqt din il-protesta, Bernard Grech qal li bħala pajjiż irridu nagħtu attenzjoni akbar lejn il-kwalità tal-ħajja.

Hu semma’ fost l-oħrajn il-proposta li tingħata tax rebate fuq il-COLA, u għajnuna ta’ miljuni għal min jimporta sabiex titrażżan id-daqqa tal-għoli tal-ħajja.

Bernard Grech tkellem fit-tul dwar id-deal tal-isptarijiet u l-mod kif il-Gvern ta’ Robert Abela baqa’ jiddefendi din is-serqa. “Nirringrazjaw lil Adrian Delia u lill-PN għax kien grazzi għal din il-kawża li waqqafna din l-akbar frodi”, stqarr Bernard Grech.

Ir-ringrazzjament lejn Adrian Delia deher ukoll permezz ta’ banner li twaħħal fl-istess protesta.

“Ħaddieħor il-Belt għandu fuq rasu banner bil-kliem ‘Justice for Jean Paul Sofia‘ li quddiemu jmissu jbaxxi rasu”, qal Bernard Grech.

Il-Kap tal-PN saqsa wkoll għaliex il-Pulizija u l-Avukat Ġenerali ma għamlu xejn u baqgħu siekta dwar id-deal tal-isptarijiet li ġie kundannat mill-Qorti. Hawn, insista li anke Robert Abela kien kompliċi f’din il-ħadma li swiet lill-pajjiż mal-€400 miljun.

“Anke l-PBS kien kompliċi f’dawn l-iskandli kollha”, qal il-Kap tal-PN.

Intant, fil-bidu tad-diskors tiegħu, Bernard Grech fakkar ukoll fl-anniversarju tad-dħul ta’ Malta fl-UE. Bil-Kap tal-PN jinsisti li ħaddieħor irid inessi din il-kisba importanti, li kienet il-ħolma ta’ Eddie Fenech Adami.

Hu qal li permezz tas-sħubija, il-ħaddiem Malti kompla jogħla ‘l fuq u jieħu d-dinjità tiegħu.

Saħaq li l-Partit Laburista qed jistħi jfakkar din il-kisba tant importanti għal pajjiżna.

“Le m’għandniex bżonn it-tirbaliżmu f’pajjiżna. Irridu nkunu l-partit ta’ kulħadd”, saħaq Bernard Grech fl-għeluq tal-messaġġ illi wassal f’din l-attività fi Gwardamangia.

“Naħdmu flimkien biex f’koalizzjoni inbiddlu lil pajjiżna u nassiguraw futur aħjar għall-ħaddiema”, stqarr il-Kap tal-PN.