Il-qawwiet tat-Turkija qalu li rnexxielhom jeliminaw lill-Kap tal-grupp terroristiku tal-ISIS fis-Sirja – bil-qtil ta’ Abu Hussein al-Qurayshi jitħabbar personalment mill-President Tork, Recep Tayyip Erdogan.
Sadanittant, il-media indipendenti ma setgħetx tivverifika l-qtil mija-fil-mija ta’ dan il-Kap terrorista li jingħad li assuma l-kmand tal-ISIS wara l-eliminazzjoni, xhur ilu, tal-predeċessur tiegħu Abu al-Hassan al-Hashemi al-Qurayshi.
Intant, Tayyip Erdogan kellem lix-xandar TRT Turk u infurmah li l-Kap tal-ISIS spiċċa ‘newtralizzat’ waqt missjoni b’sehem sinifikanti tas-servizzi sigrieti Torok.
Ingħad li l-aġenzija MIT għas-servizzi sigrieti tat-Turkija kienet ilha ssegwi lill-Kap tal-ISIS, b’Erdogan jinsisti li pajjiżu se jkompli bit-taqbida kontra l-organizzazzjonijiet terroristiċi ‘mingħajr l-ebda diskriminazzjoni’.
Min-naħa tagħhom, is-sorsi fis-Sirja qalu li l-missjoni għall-eliminazzjoni ta’ al-Qurayshi seħħet fil-belt Sirjana ta’ Jandaris, viċin il-fruntiera tat-Turkija.
//= $special ?>