L-osservaturi fis-Sudan u madwar l-Afrika huma inkwetati li l-battalji li qed ikomplu f’Khartoum u l-madwar jistgħu jkunu l-bidu ta’ gwerra ċivili fit-tul li kapaċi tħalli riżultati traġiċi u katastrofiċi ‘daqs tal-konflitt fis-Sirja’.
Dan meta l-inħawi ta’ Khartoum kienu mill-ġdid suġġetti għall-bumbardamenti mill-ajru, minkejja ftehim għal waqfien mill-ġlied bejn l-Armata tal-pajjiż u l-grupp RSF tal-paramilitari li qamu kontra l-Ġeneral u Kap tal-Armata Abdel Fattah al-Burhan li hu effettivament il-Mexxej tas-Sudan.
Il-ftehim kien maħsub biex iċ-ċivili jaħarbu minn Khartoum lejn zoni ‘il bogħod mill-konflitt, iżda fl-aħħar sigħat, it-truppi ta’ al-Burhan kienu determinati li jippersistu bl-attakki fuq il-paramilitari li qed jokkupaw l-inħawi tal-kapitali.
Fil-fatt, il-battalji dehru qed jintensifikaw wara li r-rappreżentanti tal-Armata u l-RSF kienu qablu biex jestendu l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied bi tlett ijiem oħra.
Is-sorsi mhux magħrufa mhumiex qed jeskludu li l-battalji tal-aħħar jiem f’Khartoum u bnadi oħra tas-Sudan setgħu ħallew ‘il fuq sew minn 1,000 vittma u numru akbar ta’ midruba. Dan meta għad fadal il-miljuni tan-nies f’Khartoum li s-sitwazzjoni tagħhom saret tassew iddisprata waqt li qed tkompli t-taqbida għall-poter bejn l-Armata u l-RSF.
Wara li falla l-ewwel ftehim għal waqfien mill-ġlied bejn l-entitajiet rivali, jidher li kellu jidħol fis-seħħ ftehim ieħor simili bil-ħsieb li jonqos xi ftit mill-periklu għaċ-ċivili Sudaniżi.
Madankollu, fl-aħħar sigħat ma kenux ċari ‘il-vera intenzjonijiet’ tal-Armata u l-ġellieda paramilitari fost l-isforzi tal-Istati Uniti u medjaturi oħra biex il-battalji jieqfu.
Filwaqt li l-Arabja Sawdija wkoll qed isservi bħala medjatur fil-konflitt tas-Sudan, ħafna osservaturi mgħandhomx dubju li dan il-pajjiż issa jinsab ‘uffiċjalment’ fi gwerra ċivili.
L-istess osservaturi qed jinsistu biex l-Armata, il-paramilitari u l-potenzi barranin jeħtieġu jiġbdu ħabel wieħed biex il-konflitt ma jestendix ‘il hinn mill-fruntieri tas-Sudan u jassumi l-livell ta’ gwerra reġjonali.
Dan ukoll meta qed jidher diffiċli ħafna li naħa kapaċi tissupera lill-oħra fost il-battalji kontinwi fil-kapitali Sudaniża fejn għad fadal ukoll numru ġmielu ta’ barranin minkejja l-mewġa ta’ evakwazzjonijiet mill-pajjiżi tal-Punent.
//= $special ?>