Colin Schembri
Starlites FIJO…………57
Caffè Moak Luxol…49
(10-13)(16-12)(16-12)(19-11)
Starlites FIJO huma c-champions il-ġodda tal-basketball femminili wara li kisbu t-tielet rebħa kontra Caffè Moak Luxol biex b’hekk għalqu s-serje 3-1. Dan kien it-tieni kampjonat merbuħ minn Starlites wara dak tal-2019 u wara sentejn ta’ pandemija u s-suċċess ta’ Luxol is-sena li għaddiet. Il-partita kienet bilanċjata għal ħin twil però fl-aħħar taqsima Starlites għamlu run deċisiva ta’ 10-0 li tathom ir-rebħa u l-kampjonat. Bla dubju li d-diversi players żgħażagħ fuq iż-żewġ naħat huma garanzija għal dawn iż-żewġ timijiet fis-snin li ġejjin. Partita li rat lil Luxol jiftħu l-aħjar bi tlett baskets konsekuttivi minn Gladiana Avila, Anna Fenech Pace u Josephine Diaby. Mal-ħin, Starlites bdew ġejjin lura speċjalment bil-punti ta’ Amelia Simmons u Christina Curmi però kienu Luxol li temmew l-ewwel taqsima minn fuq 13-10. Fit-tieni sessjoni, Diaby fetħet b’żewġ baskets oħra biex kabbret il-vantaġġ ta’ Luxol. Starlites baqgħu viċin u kellhom il-punti ta’ Simmons u Curmi flimkien ma’ trippla ta’ Michela Zammit Cordina u sal-intervall irnexxielhom jaqilbu l-iskor favur tagħhom 26-25.
Wara l-mistrieħ kien hemm punti fuq iż-żewġ naħat biex Luxol għamlu l-iskor indaqs. Zammit Cordina għamlet trippla oħra flimkien mal-punti minn Curmi u Simmons biex Starlites fetħu vantaġġ ta’ 5 punti 36-31. Luxol irkupraw bil-punti ta’ Diaby u Avila u t-taqsima ntemmet b’basket fuq kull naħa għal parita ta’ 38-38. Fl-aħħar taqsima Starlites, imexxija minn Charles Bonnici li kien qiegħed jagħmel ir-ritorn tiegħu mal-kbar wara nuqqas ta’ xi snin, bdew bi trippla ta’ Mikela Riolo u kellhom żewġ mumenti importanti. L-ewwel wieħed kien bi break ta’ 5-0 minn De Martino u Riolo biex marru 3 minn fuq 46-43. Wara li Avila u Sarah Fenech Pace reġgħu poġġew lil Luxol minn fuq, wasal il-mument deċisiv tal-partita fejn Starlites għamlu run ta’ 10-0 bi trippli minn Riolo u Simmons flimkien ma De Martino. Luxol ma rnexxielhomx jirkupraw minn din il-ħasda u Starlites setgħu jikkontrollaw il-partita sat-tmiem biex ħarġu rebbieħa 57-49. Fi tmiem il-partita, is-Sur Michael Galea, Develpment Officer Mapfre MSV Life flimnkien mal-president tal-MBA Paul Sultana ppreżentaw il-medalji lir-rebbieħa u l-unur tal-MVP lil player ta’ Starlites Steffi De Martino. L-istess player ftit tal-ħin wara għolliet it-trofew ta’ Champions fost il-ferħ tal-players, partitarji u diriġenti tal-club ta’ Starlites li b’hekk iċċelebraw id-doppjetta fejn saru Champions kemm fl-irġiel kif ukoll fin-nisa.
Starlites FIJO: M. Zammit Cordina 8, M. Riolo 12, A. Saliba, M. Sciberras, M. Bonett, S. De Martino 5, M. Fenech, A. Simmons 20, C. Cilia, L. De Martino, S. Davies 2, C. Curmi 10.
Caffè Moak Luxol: C. Sollami, M. Mercieca 5, L. Fenech Pace 3, H. Galea, G. Avila 14, K. Portelli, S. Fenech Pace 6, J. Diaby 16, S. Sciberras, S. Farrugia, M. Marmara, A. Fenech Pace 5.
Referees: Bernard Vassallo, Daniella Torok, Zvezdan Dobrosaviljevic.
//= $special ?>