Dalgħodu omm Jean Paul Sofia poġġiet kuruna tal-fjuri fuq il-monument tal-ħaddiem li jinsab l-Imsida. Dan sabiex proprju f’Jun il-Ħaddiem jitfakkar għeluq l-erba’ xhur mill-mewt ta’ binha li sfortunatmanet tilef ħajtu f’inċident traġiku fuq il-post tax-xogħol meta ġġarrfet binja f’Kordin.
Dan il-ġest ta’ Isabelle Bonnici fakkar ukoll il-memorja ta’ dawk il-ħaddiema li tilfu ħajjithom fuq il-post tax-xogħol. Hija qed tibqa’ tagħmel enfasi fuq l-importanza li tiġi ssalvagwardata l-ħajja u saħħet il-ħaddiema kollha, li b’tant perseveranza u sagrifiċċji jipprovdu l-għixien lill-familji tagħhom.
L-għan tal-ġlieda għall-ġustizzja li qegħda twettaq Isabelle huwa proprju dan, sabiex il-ħaddiema ma jkunu qatt vittmi ta’ rgħiba u traskuraġni, biex fl-aħħar mill-aħħar ikunu jistgħu jirritornaw qawwijin u sħaħ lejn id-djar tagħhom.
Hija tenniet l-appell tagħha sabiex tinfetaħ Inkjesta Pubblika parallela mal-Inkjesta Maġisterjali fil-każ tal-mewt ta’ Jean Paul Sofia. Saħqet li Inkjesta Pubblika biss tista’ tidentifika fejn l-Istituzzjonijiet fallew milli jipproteġu l-ħajja ta’ dan iż-żagħżugħ.
Isabelle Bonnici qalet li Inkjesta Pubblika biss tista’ toħroġ l-iżbalji li hemm fis-sistema u tagħti r-rakkomandazzjonijiet neċessarji sabiex tinbidel jew tiġi emendata l-liġi biex titħares il-ħajja tal-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol bħal f’siti ta’ Kostruzzjoni. Dan hekk kif Inkjesta Pubblika biss tista’ tipproteġi lill-ħaddiema minn dawk li ma jagħtux valur lejn il-ħajja u lejn il-familja.
Preżenti kien hemm id-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia.
Il-Partit Nazzjonalista jrid li tinkixef il-verità kollha dwar dan il-każ u għalhekk se jibqa’ jsostni bis-saħħa kollha s-sejħa ta’ omm Jean Paul Sofia għal Inkjesta Pubblika – xi ħaġa li l-Prim Minsitru Robert Abela qed jibqa’ jirreżistiha.
//= $special ?>