Lokali

Raġel fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ minn fuq e-scooter

Rumen ta’ 27 sena qed jissielet għal ħajtu wara li kien involut b’inċident b’e-scooter. L-inċident seħħ kmieni dalgħodu għall-ħabta tas-siegħa u nofs fi Triq is-Soll, Santa Venera.

Il-pulizija marru minnufih fuq il-post u minn investigazzjoni preliminari rriżulta li r-Rumen, residenti tal-Pieta’ kien qiegħed isuq e-kick scooter u waqa’ b’konsegwenza li sofra ġrieħi f’rasu.

Hu ngħata l-assistenza minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, fejn kien iċċertifikat bi ġrieħi serji u jinsab fil-periklu tal-mewt.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima li ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.