Atletika Sport

Riżultati inkoraġġanti mill-Maltin f’kompetizzjonijiet internazzjonali

Numru ta’ atleti Maltin fi tmiem il-ġimgħa kellhom prestazzjonijiet tajbin ħafna li jawguraw tajjeb għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. F’tellieqa ta’ ħames kilometri fost numru ta’ atleti Taljani tal-ogħla livell f’Milan, Simon Spiteri temm b’ħin b’saħħtu ta’ 14:31. B’hekk huwa saħħaħ postu fuq it-tim Malti tal-5000m fil-GSSE flimkien ma’ Jordan Gusman. Spiteri kompla wkoll itejjeb l-aqwa ħin tiegħu din is-sena kemm fit-trakka kif ukoll barra.

F’Nizza, 5km ukoll għal Dillon Cassar li kiseb tieni post prestiġjuż b’14’47 filwaqt li Joelle Cortis rebħet il-kompetizzjoni tan-nisa b’17:40.

Aktar ‘il bogħod, fil-Penn Relays f’Philadelphia (Stati Uniti), Gina Mcnamara, temmet il-5000m f’16:56, biex kisbet post fuq Tim Malta għall-istess distanza, flimkien ma’ Lisa Marie Bezzina. Ġimgħa ilu McNamara, kisbet rekord nazzjonali fuq l-1500m. Fuq 5000m ukoll, Jordan Gusman irreġistra ħin b’saħħtu ta’ 14:03 fid-Drake Relays f’Iowa. Żewġ riżultati li żgur jawguraw tajjeb għaċ-ċansijiet ta’ Malta fil-Logħob.

Intant bosta atleti oħra ħadu sehem fil-Marsa fil-ħames u l-aħħar Athletics Malta Challenge Meeting fejn għamlu l-aħħar sforz tagħhom għall-post mat-tim nazzjonali. Iż-żagħżugħ Graham Pellegrini kompla jimpressjona wara r-riżultat tiegħu fuq 200m ġimgħa qabel, din id-darba rebħa fuq l-400m f’47.85 seconds, rekord ġdid tal-Under 23 u Under 20. Matthew Galea Soler, Luke Camilleri u Steve Camilleri kollha kisbu ħin taħt il-50” biex prattikament ikkonfermaw posthom fit-tim.

Fil-qbiż, prestazzjoni li tawgura tajjeb għal Claire Azzopardi hekk kif qabżet 6.21m, fejn ugwaljat il-PB tagħha, għalkemm b’riħ vantaġġjuż. Hija se tkun qed tirrappreżenta lil Malta kemm fil-long u t-triple jump, ma’ Rachela Pace u Rebecca Sare’ rispettivament. Sana Grillo qabżet 3.50m fil-pole vault biex kisbet l-MQS filwaqt li Antonella Chouhal tejjbet ir-rekord W45 fil-hammer, b’tefa’ ta’ 45.43m.

Fl-itwal tellieqa tal-ġurnata, dik ta’ 10000m, żewġ prestazzjonijiet brillanti minn Luke Micallef u Lisa Marie Bezzina. Micallef rebaħ b’ħin eċċezzjonali ta’ 30:23 filwaqt li Bezzina temmet b’35:41 biex kisbet id-dritt ta’ parteċipazzjoni doppja fil-GSSE, b’ċans li tirrepeti r-riżultat storiku ta’ Montenegro 2019 fejn ġabet lejn Malta żewġ midalji tad-deheb.

L-aħħar avveniment kwalifikattiv se jsir illum it-Tnejn biex b’hekk jasal fi tmiemu kalendarju ppakkjat ta’ attivitajiet li fih l-aqwa atleti ta’ pajjiżna għamlu l-almu kollu tagħhom għal post mat-tim Malti fil-Logħob tal-Pajjiżi Żgħar li issa jinsabu biss ftit ġimgħat ‘il bogħod.