“Robert Abela ma’ jistax jassumi li l-Inkjesta Maġisterjali b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia hi xi ħaġa sempliċi. Ma nafx għalfejn saret din il-pressjoni kollha fuq il-Maġistrat sabiex tikkonkludi din l-inkjesta.”
Dan sostnieh il-President tal-Kamra tal-Periti Andrè Pizzuto waqt intervista fil-programm Andrew Azzopardi on 103.
Il-Professur Andrew Azzopardi staqsa għalfejn l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar din it-traġedja għadhom ma ngħalqux. Hawnhekk Andrè Pizzuto spjega li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija u l-Inkjesta Maġisterjali huma separati fejn fil-każ tal-qtil ta’ Pelin Kaya l-Pulizija ressqet persuna l-Qorti qabel ma kienet konkluża l-Inkjesta Maġisterjali.
Iżda fil-każ ta’ Jean Paul Sofia li inqatel kważi 5 xhur ilu – sal-lum l-ebda persuna għadha ma tressqet il-Qorti b’rabta ma din it-traġedja.
Il-President tal-Kamra tal-Periti qal li jinsab urtat li qed issir pressjoni fuq il-maġistrat inkwirenti għaliex kaġun t’hekk qed jintefa dubju li l-maġistrat mhux qed tagħmel xogħolha sew. Dan meta ċertu investigazzjonijiet jistgħu jkunu kkumplikati u allura jieħdu aktar żmien.
Barra minn hekk, huwa ċanfar l-aġir tal-Prim Ministru Robert Abela fejn saħaq li l-inkjesta mhix xi ħaġa sempliċi.
Intant, il-Kamra tal-Periti m’għandha l-ebda oġġezzjoni li tinħatar inkjesta pubblika sabiex toħroġ il-verità kollha. Dan għaliex inkjesta Maġisterjali ħafna drabi tibqa’ waħda sigrieta u b’hekk ma jkunx magħruf x’wassal biex iseħħ dan l-inċident traġiku.
//= $special ?>