Sport Sport Ieħor

Futsal: Luxol u l-Università ta’ Malta fis-semi finali

Luxol St Andrew’s u l-Università ta’ Malta ingħaqdu ma’ Żurrieq Futsal u Ta’ Xbiex fis-semifinali tal-E & L Futsal Trophy wara li rebħu b’mod konvinċenti l-konfronti rispettivi tagħhom.

Luxol ftit tħabtu biex għelbu lir-rivali Swieqi United 6-1 cejn kien Ryan Muscat li poġġa lil Swieqi fil-vantaġġ iżda Mark Zammit għamel l-iskor indaqs għal Luxol St Andrew’s.
Fit-tieni taqsima, Victor Oliveira Dias, Andre Ciancio, Jhonn Castro u żewġ gowls minn Andy Mangion għalqu l-partita bl-iskor ta’ 6-1 għal Luxol.

L-Università ta’ Malta, li rebħu l-aħħar edizzjoni ta’ din il-kompetizzjoni, għelbu liċ-champions taċ-Challenger League St George’s 6-0.
Andre Cachia skorja darbtejn filwaqt li l-gowls l-oħra kienu skorjati minn Aaron Montebello, Leo Muscat, Cleaven Portelli u Jean Noel Azzopardi.

Fis-semifinali, li se jintlagħabu l-ġimgħa d-dieħla, Luxol jilagħbu kontra Żurrieq filwaqt li l-Università ta’ Malta jaffrontaw lil Ta’ Xbiex.