Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Ir-Russi jitilfu ‘il fuq minn 20,000 suldat minn Diċembru ‘il hawn

L-Istati Uniti kalkulat li, minn Diċembru ‘il hawn, mietu ‘il  fuq minn 20,000 suldat Russu fil-gwerra tal-Ukrajna – u bl-ammont ta’ militar midruba jammontaw għal aktar minn 80,000. Filwaqt li sorsi oħrajn ma provdux ċifri simili dan qed jitqies bħala traġedja umana għar-Russja minn kull aspett meta l-Kremlin qed jippersisti bl-invażjoni u okkupazzjoni tal-artijiet Ukreni fost konflitt li ilu għal aktar minn 14-il xahar.

Iċ-ċifri partikulari provdihom John Kirby, kelliem għan-National Security Council tal-Istati Uniti, u fejn hu żvela statistika li sa ftit ilu kienet klassifikata.

Qed jingħad li nofs il-qawwiet maqtula tar-Russja huma merċenarji tal-grupp Wagner li huma l-protagonisti fl-offensiva li ilha għaddejja mis-sajf fuq il-belt ta’ Bakhmut, lejn il-lvant tal-Ukrajna. Dan meta r-Russja qed tippersisti bl-isforzi biex tieħu f’idejha Bakhmut li llum sar simbolu tar-reżistenza tal-Ukreni.

Filwaqt li t-truppi tal-Kremlin qed jikkontrollaw diversi bnadi ta’ Bakhmut, it-truppi Ukreni għadhom qed jiddefendu d-distretti lejn il-Punent, bir-Russi jkomplu jitilfu l-għexieren u l-mijiet ta’ suldati ma’ kull pass li javvanzaw.

L-Uffiċjali tal-Ukrajna qalu li din il-battalja qed isservi ‘biex huma joqtlu l-massimu possibbli tat-truppi Russi u jnaqqsu mill-kapaċità militari ta’ Moska’.

Min-naħa tiegħu, John Kirby, espert dwar il-militar u kampanji tal-gwerra, qal li falliet l-offensiva tar-Russja biex tikkonsolida preżenza militari fir-reġjun tad-Donbas u fejn Moska faċċjat ostakolu iebes ħafna fil-forma ta’ Bakhmut.

F’din is-sitwazzjoni, skont Kirby, falla wkoll il-pjan biex ir-Russja taħtaf it-territorji Ukreni ta’ valur kbir strateġiku waqt li Moska qed tħallas il-prezz bis-suldati maqtula.