L-Ispeaker tal-parlament Anġlu Farrugia ta ruling li fih iddikjara li l-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) għandu jistenna d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali qabel ikompli jagħmel il-mistoqsijiet lill-ex Chief of Staff tal-Gvern Laburista Keith Schembri dwar il-kuntratti tal-power station tal-Electrogas.
Ir-ruling ingħata fuq talba tad-deputat Nazzjonalista u Chaiman tal-PAC Darren Carabott wara li fl-aħħar laqgħa tal-PAC fil-25 ta’ April 2023, Keith Schembri, li kien Chief of Staff fi żmien il-Prim Ministru Joseph Muscat, iddikjara li ma kienx se jkompli jixhed dwar il-kuntratti tal-power station tal-Electrogas.
Keith Schembri sostna fil-PAC li dan kien qed jagħmlu wara li l-membri tal-Oppożizzjoni fil-PAC – Darren Carabott, David Agius u Graham Bencini – marru għand il-Kummissarju tal-Pulizija fejn appellaw għal investigazzjoni wara li dikjarazzjoni li Keith Schembri għamel fl-istess kumitat parlamentari.
Din l-investigazzjoni kienet tikkonċerna dikjarazzjoni ta’ Keith Schembri li kien iddikjara li l-ex Minisru tal-Finanzi Edward Scicluna kien informat b’kollox dwar il-power station tal-Elctrogas.
Din id-dikjarazzjoni mogħtija taħt ġurament tikkontrasta direttament ix-xhieda ġuramentata mogħtija mill-ex Ministru Laburista Edward Scicluna fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fejn qal li hu ma kien involut jew informat b’xejn għaliex Joseph Muscat kellu kitchen cabinet li fih kien hemm l-ex Ministru Konrad Mizzi u l-istess Keith Schembri.
Keith Schembri qal li ma kienx se jkompli jixhed fil-PAC sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet tal-pulizija u aktar tard matul il-ġimgħa fetaħ ukoll kawza kostituzzjonali.
L-Ispeaker irrifera għall-kawża kostituzzjonali li fetaħ Keith Schembri u qal li dan l-ewwel każ tax-xorta tiegħu fejn tliet deputati għamlu rapport lill-pulizija u jkomplu bl-istess servizz tagħhom fil-kumitat. Hu sostna li l-linji gwida ma jaħsbux għal każ bħal dan u kompla li anki s-Sedja tħarrket fil-kawża ta’ Keith Schembri. Għalhekk l-Ispeaker irrakkomanda lill-PAC biex jistenna d-deċiżjoni tal-kawża kostituzzjonali qabel tkompli bix-xhieda ta’ Keith Schembri.
//= $special ?>