Mument ferm sabiħ għall-Karkariżi hekk kif l-Parroċċa ta’ San Ġużepp Ħaddiem qed tiċċelebra l-50 anniversarju tagħha. U propju għal din l-okkażjoni ġiet organizzata festa speċjali sabiex jitfakkar dan il-mument.
Din il-knisja bdiet tinbena fl-1964 u bdiet tiffunzjona fl-1968. Imbagħad fl-1973 din saret parroċċa meta l-lokalità ta’ Birkirkara bdiet tikber sew.
Net News tkellem ma’ Maurizio Gauci li huwa voluntier f’din il-parroċċa. Huwa qal li twieled propju f’din il-lokalità u ilu jgħin f’din il-festa sa minn eta’ bikrija bħall-kumplament ta’ familtu. Barra minn hekk, huwa rrakkonta l-istorja ta’ kif din il-knisja bdiet u eventwalment saret parroċċa.
Il-kappillan Dun Charlon Muscat qalilna li dan huwa mument ferm speċjali għan-nies ta’ din il-parroċċa. Huwa qal li din iċ-ċelebrazzjoni mhijiex għal San Ġużepp jew il-knisja biss iżda għal dawk in-nies ta qabilna li propju għamlu dan il-mument possibli.
Il-qofol ta’ din il-festa speċjali se jintlaħaq nhar il-Ħadd li ġej wara l-quddiesa tad-9:15 ta’ filgħodu fejn se ssir purċissjoni bil-vara ta’ San Ġużepp mill-Kolleġjata Bażilika ta’ Santa Elena sal-Knisja ta’ San Ġużepp Ħaddiem.
Din il-festa speċjali se tgħaqqad lill-komunità ta’ Birkirkara hekk kif għal din il-festa se jgħaqqdu t-tliet baned flimkien kif ukoll bis-sehem tal-fratelli waqt il-purċissjoni.
//= $special ?>