Lokali

Il-prezzijiet ikomplu jiżdiedu – iżda Azzopardi Tanti m’għandux idea kemm tiswa ħobża

Dħalna fil-ħames xahar tas-sena – bdejna ix-xahar ta’ Mejju u għal darb’oħra l-familji Maltin u Għawdxin spiċċaw iħabbtu wiċċhom ma’ aktar żidiet fil-prezzijiet ta’ prodotti bażiċi tal-ikel u mhux biss.

Żieda fil-prezz taz-zokkor, żieda fil-prezz tal-bajd, żieda fil-prezz tat-toilet paper, żieda fil-prezzijiet tal-prodotti essenzjali…bl-aħħar waħda tkun iż-żieda fil-prezz tal-ħobż. Dan hekk kif mill-1 ta’ Mejju l-ħobż slice żied b’10 ċenteżmi għall-prezz ta’ €1.20 filwaqt li l-ħobż ismar, brown bread, żied bi 15-il ċenteżmu…għall-prezz ta’ €1.50.

It-Tlieta waranofsinhar Net News mar jistaqsi lill-membru fil-Kabinett ta’ Robert Abela, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti – li l-professjoni tiegħu hi ta’ accountant – dwar x’se jkun qiegħed jagħmel il-Gvern b’rabta ma’ din iż-żieda qawwija fil-prezzijiet.

Iżda, għas-sorpriża tagħna, lanqas kellu idea kemm għola l-islice tal-ħobż.

Filwaqt li l-aġir ta’ Azzopardi Tanti juri kemm l-Prim Ministru Robert Abela u t-tim ta’ miegħu mhux vera li qed jħossu l-polz tal-poplu – riċerka mwettqa mill-UĦM Voice of The Workers ikkonfermat il-piż li f’Malta preżentament iċ-ċittadini qed ikollhom jerfgħu biex sempliċiment imantnu familja b’dak li huwa bażiku.

Iżda għal Azzopardi Tanti, il-Gvern diġà għamel ħafna fejn fost oħrajn semma l-prezzijiet tal-fjuwil kif ukoll l-iskemi tal-Awtorità tad-Djar.

U kif wieħed jistenna, dar ukoll għaċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa – ċekk li se jkun ta’ madwar €100, ċekk li xorta waħda ma jkoprix ix-xirja medja preżentata mill-UĦM fil-jiem li għaddew ta’ madwar €150.

Net News staqsa lis-Segretarju Parlamentari għal aktar minn darba jaħsibx li dawn iċ-ċekkijiet humiex biżżejjed biex ikopru ż-żieda tal-għoli tal-ħajja…bil-poplu iħabbat wiċċu mal-ogħla inflazzjoni sa mis-snin tmenin, ironikament taħt Gvern Laburista wkoll.

Iżda meta bqajna ninsistu, Keith Azzopardi Tanti baqa jirrepeti li taħt il-Gvern tal-Labour ingħataw diversi għajnuniet.

Il-verità hija li meta ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin qed imorru jagħmlu x-xirja tagħhom qed jaraw li ċertament dak li qed jagħmel magħhom il-Labour żgur mhux biżżejjed. Filwaqt li l-ftit tal-qalba – kif ikkonfermat Rosianne Cutajar – jibqgħu jitħanżru.