Lokali

“Ir-Regolamenti fil-Kostruzzjoni neqsin mill-ambizzjoni u kjarezza legali” – Moviment Graffitti

L-Attivisti qed isejħu għal riforma komprensiva fl-industrija tal-kostruzzjoni.

Ir-Regolamenti tal-Iiċenzjar fil-Kostruzzjoni li ġew proposti setgħu servew biex isseħħ il-bidla tant meħtieġa fil-regolamentazzjoni tal-industrija tal-kostruzzjoni, imma kif inhuma mhux se jservu biex jintlaħqu l-miri stabbiliti.

Il-Moviment Graffitti għamel din id-dikjarazzjoni fis-sottomissjoni tiegħu għall-konsultazzjoni pubblika li nħarġet mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni dwar l-istess Regolamenti, flimkien ma’ numru ta’ proposti importanti biex jissaħħu r-Regolamenti, u biex ikun żgurat li meta jidħlu fis-seħħ verament iservu biex l-industrija tkun iktar regolata u sigura.

“Il-liċenzjar tal-kuntratturi missha ilha li saret. Ftit xhur ilu biss, Jean Paul Sofia, bħal Miriam Pace tliet snin ilu, spiċċa maqtul f’inċident tal-kostruzzjoni. Il-mewt fuq il-post tax-xogħol ta’ ħaddiema tal-kostruzzjoni issa saret xiħaġa ta’ kull xahar, u kull sena eluf jisfgħu midruba fuq siti tal-kostruzzjoni. Dawn l-imwiet setgħu ġew evitati kieku kien hemm regolamentazzjoni serja tal-industrija tal-kostruzzjoni. Ir-Regolamenti preżentati, mhux biss waslu traġikament tard, imma huma wkoll wisq kawti fl-approċċ tagħhom”, spjega kelliem għall- Moviment Graffitti. “Il-komunitajiet tagħna ħaqqhom aħjar.”

Wieħed mill-punti ewlenin ta’ tħassib għall-organizzazzjoni huwa n-nuqqas ta’ ċarezza u trasparenza dwar kif il-ksur tar-Regolamenti u l-kundizzjonijiet tal-liċenzjar se jkunu indirizzati mill-BCA, u innutat li, kif inhuma r-Regolamenti bħalissa, il-pubbliku għandu ftit li xejn poter biex jieħu sehem fil-proċeduri jew biex inkun infurmat fuqhom. Huwa daqstant ċar li l-mod dgħajjef li ttieħed lejn l-infurzar u l-penalizzazzjoni fir-Regolamenti mhux biżżejjed biex ibiddel l-attitudni li bħalissa tirrennja fl-industrija tal-kostruzzjoni li kulħadd jista’ jagħmel li jrid.

“Il-pubbliku u l-kwalità tal-ħajja tagħna jeħtieġ li jkunu fil-qalba ta’ din ir-riforma”, saħaq il-Moviment Graffitti. “Huwa għalhekk li t-trasparenza u d-dritt għall-informazzjoni huma kruċjali, u huwa ta’ tħassib li tħallew barra mir-Regolamenti”.

Il-Moviment Graffitti kkritika wkoll il-fatt li l-Gvern ma rnexxilux joħloq struttura ħielsa mill-indħil politiku. Huwa ġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-kumitat tal-liċenzjar se jkun maħtura mill-Ministru, bi kriterji ta’ eliġibilità konvenjentement wesgħin, u li fil-prattika jippermettu li l-istess persuni jistgħu jibqgħu jiġu maħtura b’mod indefinit biex iservu fuq il-kumitat.

Filwaqt li enfesizza l-ħtieġa li jiġu reveduti r-Regolamenti qabel ma jidħlu fis-seħħ, il-Moviment Graffitti sejjaħ ukoll għall-publikazzjoni immedjata ta’ Kodiċi Nazzjonali għall-Bini u l-Kostruzzjoni, flimkien ma’ infurzar tanġibbli tal-liġijiet eżistenti sabiex jiġu eliminati l-prattiċi perikolużi u illegali li qegħdin jifnu lill-industrija. Dan jirrifletti dak li ġie propost ukoll fil-pubblikazzjoni ewlenija, Reforming Planning and Construction in Malta, dokument li fih il-Moviment Graffitti elenka 134 proposta għar-riforma fis-settur tal-ippjanar u l-kostruzzjoni.

“Għal darb’oħra l-Gvern qiegħed ikun dgħajjef ma’ min għandu s-saħħa, għas-skapitu tas-sigurtà u l-kwalità ta’ ħajjitna”, tenna l-Moviment Graffitti.