Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Għandu 104…u jinsab ħerqan li jiċċelebra l-Koronazzjoni tar-Re Karlu

Veteran tat-Tieni Gwerra li għalaq il-104 sena qed jistenna bil-ħerqa biex jiċċelebra t-tielet Koronazzjoni ta’ Re jew Reġina tar-Renju Unit tul ħajtu – u meta nhar is-Sibt issir il-konferma tar-Re Karlu III bħala Kap tal-monarkija.

Il-Kaptan Bryan Bouchard, eks membru tar-Royal Navy u residenti f’Wiltshire, fil-fatt, għex tul ir-renju ta’ ħames Kapijiet tal-monarkija u kien preżenti meta r-Reġina Eliżabetta II kienet żaret il-flotta tal-qawwiet marittimi f’Portsmouth, fl-1953.

Il-Kaptan Bouchard kien anki ġġieled fil-Battlaja għal Franza, fl-1940, waqt it-Tieni Gwerra Dinjija minbarra li kien involut ukoll fil-kaċċa għall-U-boats ( is-sottomarini tal-Ġermanja Nażista) bħala uffiċjal fuq destroyer tar-Royal Navy.

Meta sigħat ilu, saritlu intervista bħala l-akbar anzjan fir-Renju Unit, Bouchard faħħar lir-Re Karlu ‘għal bidu mill-aqwa għar-renju tiegħu’. Intant, Bouchard,  li twieled fl-1919, qal li, fil-Jum tal-Koronazzjoni, se jkun preżenti għal festin żgħir fil-ġardina tad-dar tiegħu fejn se jara trasmissjoni live taċ-ċerimonja storika fuq il-‘big screen’.

Il-Kaptan anzjan – li għadu sallum jesprimi ruħu tajjeb ħafna – sostna li r-Renju Unit hu magħruf għaċ-ċelebrazzjonijiet memorabbli għall-pubbliku, fosthom l-inkoronazzjonijiet tal-Kapijiet tal-Monarkija. Hu kompla li dan għandu jkun evidenti nhar is-Sibt meta d-dinja tkun qed tassisti għall-jum speċjali tar-Re Karlu.

Meta mbagħad kien mistoqsi biex jiżvela s-sigriet tiegħu għal ħajja daqshekk fit-tul, il-kaptan Bouchard qal, b’daħka, li ma hemm l-ebda sigriet u li hu sempliċiment kellu ‘destin iffortunat’.