Internazzjonali

Is-Sudan: Talanqas 350,000 refuġjati interni fost il-kriżi

In-Nazzjonijiet Uniti wissiet li s-Sudan jinsab f’xifer ta’ katastrofi uman li ilna ma naraw bħalha għal għexieren ta’ snin. Dan meta, minn jum għal jum, eluf kbar ta’ irġiel, nisa u tfal f’Khartoum u bnadi oħra tal-pajjiż qed jissugraw mewta brutali fost il-battalji kontinwi bejn l-Armata Sudaniża u l-paramilitari tal-grupp RSF li jridu jieħdu l-kontroll tal-pajjiż.

Il-konflitt ċivili ilu għaddej min-nofs April u meta ‘il fuq minn 100,000 ħarbu mis-Sudan biex ma jinqabdux fl-eqqel tal-ġlied. Intant, l-Uffiċjali fl-Afrika u madwar id-dinja komplew jappellaw għat-tmiem tal-battalji f’Khartoum meta fil-preżent hemm talanqas 350,000 refuġjati interni fil-pajjiż Afrikan partikulari.

Il-battalji qed ikomplu f’Khartoum u minkejja li n-naħat avversarji kienu ftehmu għal wafien mill-ostilitajiet fil-bidu tal-ġimgħa.

Intant, hemm ftit tat-tama li r-rappreżentanti tal-Armata u l-RSF jiltaqgħu ‘il quddiem madwar il-mejda tan-negozjati bil-ħsieb li jaslu għal ftehim stabbli li jiggarantixxi l-paċi fis-Sudan,

Dan meta l-Arabja Sawdija ssemmiet bħala ‘sede’ potenzjali għal dawn it-taħditiet — bl-aħħar rapporti jirreferu anki għal ġlied qalil li għadu kemm żbroffa f’Darfur, lejn il-Punent tas-Sudan.