Lokali Parlament

Jeħtieġ miżuri mmedjati fit-traffiku, fl-e scooters u fil-fast ferry

Albert Buttigieg, PN

Id-deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg ressaq fil-parlament numru ta’ proposti li għandhom ikunu kkunsidrati b’mod immedjat fit-traffiku, fl-e scooters u fil-fast ferry.

Meta kien qed jitkellem fil-parlament, Albert Buttigieg qal li l-istatistika tal-NSO turi li fl-2022 seħħu 28 inċident fatali; żieda ta’ 19-il każ fuq l-2021. Hu sostna li l-multi li se jiddaħħlu huma deterrent u sostna li bla infurzar ta’ dawn il-pieni, ma jkun qed isir xejn effettiv.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-Oppożizzjoni taqbel mal-multi u mal-infurzar iżda l-gvern qed iħares biss lejn il-pjan bil-qasir għaliex il-problema tat-traffiku ma tissolviex bid-dixxiplina biss. Il-gvern jippreferi miżuri fil-qosor milli jħares fit-tul.

Il-gvern mhux jinvesti biex ibiddel il-kultura ta’ dipendenza fuq il-karrozzi iżda għażel li jwessa’ t-toroq, għamel it-trasport pubbliku b’xejn li jintuża biss mill-barranin u bena l-flyovers b’dell ta’ korruzzjoni. Dawn ma jsolvux il-problemi tat-traffiku għaliex it-traffiku xorta baqa’ qawwi.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li t-traffiku jseħħ minħabba l-ammont kbir ta’ karozzi li hawn flimkien ma’ kultura ta’ dipendenza fuq il-karozza. Flimkien ma’ dan hemm ukoll iż-żieda fil-popolazzjoni li kompliet tikkomplika s-sitwazzjoni, sostna Albert Buttigieg, li sostna li l-pajjiż ma jiflaħx dawn l-ammonti ta’ karozzi u żieda ta 52 karozza kuljum.

Albert Buttigieg kompla li jeħtieġ diskussjoni dwar trasport tal-massa u appella biex jittieħed is-suġġeriment tal-ex Sindku Laburista tax-Xagħra Christian Zammit li ppropona li l-karozzi jinħarġu fit-toroq skont in-numru ta’ reġistrazzjoni. Proposta oħra li għandha tkun ikkunsidrata hi dik li min iħammeġ l-aktar, iħallas l-iktar. Dan ma jgħoddx għall-persuni li jaħdmu bħala delivery persons.

Id-deputat Nazzjonalista staqsa għandhiex skema fejn persuna tintrabat għal perjodu ta’ żmien li ma jużawx il-karozzi u tieħu benefiċċji. Proposta oħra hi l-ħaddiema jkunu nkoraġġiti li jaħdmu iktar mid-dar Hu staqsa jekk wasalx li jkunu limitati l-liċenzji għal nies ta’ ċertu età u jekk għandux ikun hemm iktar skemi ta’ pooling għall-ħaddiema, l-istudenti u l-ġenituri li jwasslu t-tfal fl-istess skema.

Hu appella biex l-isktar jinġabar bil-lejl biex ma jinħoloqx traffiku waqt li t-trakkijiet tal-kostruzzjoni jinħarġu biss f’ċertu ħinijiet. Jeħtieġ investiment f’ċertu mezzi ta’ trasport bħar-roti, introduzzjoni ta’ iktar park and ride, iktar investiment fl-e scooters u fil-fast ferry bejn Tas-Sliema u l-Belt u bejn il-Belt u l-Isla, bejn il-Belt u Smart City u bejn il-Belt u Buġibba.

Id-deputat Nazzjonalista qal li fl-10 distrett elettorali hemm problema ta’ e scooters li daħlu bla ebda konsultazzjoni, bla ippjanar u bla infrastruttura meħtieġa. Hu kompla li l-kunsilli lokali kienu mwarrba u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali kellha l-position paper tagħha mwarrba u injorata.

Ir-Reġjun Lvant ippropona diversi drabi biex jiltaqa’ ma Transport Malta biex tissolva din il-problema iżda dan ma sarx għalkemm issa jidher li qed isiru xi laqgħat. Il-parkeġġi l-post fejn l-e scooters jitpoġġew huma ż-żewġ problemi għaliex dawn ma jistgħux jibqgħu jimblukkaw il-passaġġi tan-nies, il-bankini u l-garaxxijiet.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li min juża l-e scooters ma josservawx ir-regoli tat-traffiku u appella biex ikun hemm infurzar fuq dan l-aspett. Il-promenade ta’ Tas-Sliema u San Ġiljan hu l-ikbar problema għaliex hu l-uniku post fiż-żona fejn ir-residenti jimxu fih.

Il-promenade għandu wkoll funzjoni soċjali għaliex iun ta’ soljev għall-anzjani tal-lokal. It-tfal lanqas jistgħu jużaw ir-roti minħabba li huma llegali iżda l-e scooters jkunu aġevolati.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li min jolqot lil xi ħadd bl-e scooters jibqa’ għaddej u għalhekk ippropona li l-e scooters għandu jkollhom numru ta’ reġistrazzjoni biex ikunu identifikati.