Maġistrat astjeniet milli teżamina t-talba ta’ eks boxer li l-kustodja preventiva kontinwa tiegħu, ħames xhur wara li ġie mixli li seraq anzjan meta kien qed jiġi mhedded b’sikkina, kienet illegali. Sean Sinclair Pace ta’ 43 sena kien ġie mċaħħad mill-ħelsien mill-arrest waqt li tressaq il-Qorti f’Diċembru tas-sena l-oħra meta kien akkużat b’serq aggravat u li żamm persuna illegalment.
L-avukat Jose Herrera ressaq rikors ta’ habeas corpus (dritt fundamentali fil-Kostituzzjoni li jipproteġi kontra priġunerija illegali u indefinita) fejn Pace qed isostni li d-detenzjoni kontinwa tiegħu kienet illegali. Minħabba li applikazzjonijiet bħal dawn huma dejjem ta’ natura urġenti, t-Tlieta nofsinhar saret seduta quddiem il-Maġistrat tal-kariga Donatella Frendo Dimech.
Peress li l-istadju milħuq fil-proċeduri kontra Pace ma ħareġx ċar mill-atti tal-każ, il-Maġistrat bagħatet għar-reġistratur tal-Qorti Kriminali Franklin Calleja biex jixhed dwar l-istatus tagħhom. Calleja informa lill-Qorti li l-atti bħalissa kienu qed jiġu eżaminati mill-AĠ u fil-fatt, l-inkartament tal-kawża kien ingħata lill-qorti għal din is-seduta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
F’digriet li ngħata ftit tal-ħin wara, il-Maġistrat astjeniet milli tieħu konjizzjoni tal-każ, billi osservat li l-atti kienu ntbagħtu lura lill-Avukat Ġenerali fit-13 ta’ April. Hi rrimarkat li l-Kodiċi Kriminali jistipula li applikazzjonijiet ippreżentati b’rabta b’kumpilazzjoni ta’ provi li l-fajl tagħha kien qed jiġi eżaminat mill-Avukat Ġenerali, qabel ma jinħareġ l-Att ta’ Akkuża, ir-rikors kellu jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti Kriminali.
//= $special ?>