Internazzjonali

Mużika: Il-grupp Aerosmith iħejji għall-‘Farewell Tour’

Il-grupp tar-Rock Amerikan Aerosmith ħabbar li se jagħmel l-aħħar tour biex jiċċelebra ‘il fuq minn 50 sena bħala wieħed mill-aktar kumplessi magħrufin madwar id-dinja u wara li sar famuż għall-ewwel darba fil-bidu tas-sebgħinijiet.

L-aħbar dwar il-farewell tour setgħet ma kenitx daqstant sorpriża għall-fans u s-segwaċi ta’ Aerosmith peress li l-membri tal-grupp – fosthom il-kantant Steve Tyler, il-bassista Tom Hamilton u l-kitarrista Joe Perry  illum għandhom ‘il fuq minn 70 sena.

Intant, Joe Kramer – fundatur ieħor tal-grupp —  mhux se jkun preżenti għat-tour bl-isem Peace Out u fejn minfloku fuq id-drums se jkun hemm is-session musician John Douglas.

Aerosmith huma fost l-aktar gruppi li għamlu suċċess fil-kategorija tar-Rock mainstream u fost is-suċċessi tagħhom hemm Dream On, Walk This Way, Jaded u I Don’t Want To Miss A Thing.

Il-Peace Out Tour li se jkopri l-Amerika ta’ Fuq jibda f’Philadelphia f’Settembru u għandu jintemm f’Jannar li ġej fil-Kanada.