Lokali Qorti

L-EKS MANAGER FL-HSBC MIXLI BI FRODI: Baqa’ jokkupa propjetà tal-eks sieħba tiegħu li tgħid li kienet vittma ta’ vjolenza domestika

L-eks Manager tal-HSBC li jinsab fl-aħbarijiet fejn ħareġ li wettaq frodi ta’ miljun ewro għad-dannu ta’ diversi klijenti tal-bank, okkupa propjetà tal-eks sieħba tiegħu mingħajr il-kunsens tagħha. L-eks sieħba ta’ Kenneth Gauci kienet fetħet proċeduri Ċivili fil-Qorti fejn qalet li minkejja li għal diveesi drabi qaltlu biex iħalli l-propjetà tagħha fis-Siġġiewi  fejn hi kienet tgħix miegħu baqa’ jokkupa l-post, bil-Qorti tagħtiha raġun.

Fil-Qorti qalet ukoll li hi kienet għamlet rapport mal-Pulizija li kienet vittma ta’ vjolenza domestika minn  naħa tiegħu. Dan kollu ħareġ f’sentenza mogħtija mill-Imħallef Joanne Vella Cuschieri qabel ma feġġ il-każ tal-allegat frodi. Il-bank HSBC qed jara kif se jirkupra miljun ewro minn fondi allegatament misruqa mill-kontijiet tal-bank ta’ numru ta’ klijenti fejn

Gauci ammetta, mhux fil-Qorti – illi ħa flus b’mod mhux awtorizzat mill-kontijiet bankarji ta’ klijenti kif ukoll għamel firem foloz biex fost l-oħrajn isostni ‘farmhouse’ lussuża fis-Siġġiewi u jgawdi n-namra li għandu għal għasafar eżotiċi. Gauci ħadem mal-HSBC mill-1989 sal-2021, is-sena meta ġie mkeċċi mill-HSBC wara diversi lmenti li l-bank beda jirċievi mingħand klijenti dwar trasferimenti u tnaqqis ta’ flus mill-kontijiet bankarji tagħhom.

Meta semgħet bil-frodi keċċietu mir-residenza tagħha

Meta s-sieħba tiegħu saret konxja tal-aġir tiegħu kienet qaltlu biex hu u ż-żewġ uliedu (li mhumiex tagħha) ma jibqgħux jgħixu magħha minħabba dak l-akkużi ta’ frodi li kien qed jiġi mixli bihom. Hi qalet fil-Qorti li f’Mejju tas-sena 2021 Kenneth Gauci tkecca mix-xoghol li kellu ma l-HSBC Bank Malta plc wara li għadda bord ta’ dixxiplina dwar serq u frodi aggravat li jammontaw għal mijiet ta’ eluf ta’ ewro.

Qalet ukoll li meta saret taf b’dawn ir-reati gravi ddeċidiet li twaqqaf ir-relazzjoni li kellha miegħu u talbitu diversi drabi biex joħroġ millproprjetà tagħha iżda hu ma riedx b’konsegwenza li flimkien ma’ żewġt uliedu baqghu magħha mingħajr ebda titolu validu fil-liġi u kontra l-volontà tagħha.

Sostniet ukoll fil-Qorti li Kenneth Gauci kkapparra il-‘living room’ fejn kie beda jorqod u li hu u uliedu baqghu jghixu fid-dar tagħha b’xejn u jużaw dak kollu li hi tipprovdi għalih bhal dawl, ilma u servizzi oħra. Fit-talba tagħha lill-Qorti kienet qalet ukoll li Kenneth Gauci huwa ta’ detriment għas-saħħa mentali u fiżiku tagħha.

Dan peress li wara li kemm il-darba għamlitha ċara li tixtiequ jitlaq minn darha, l-fatt li baqa’ jimponi ruħhu bil-presenza tiegħu “għal dawn l-aħħar xhur (bejn Mejju u Diċembru) qalet li kienet qed tħossha litteralment priġuniera ġo darha fejn kien ikollha tissakkar bil-lejl u qabel ma jkollha bżonn taħsel il-ħwejjeġ jew imqar tmur sal-kċina trid toqgħod attenta jekk Kenneth Gauci qiegħedx hemmhekk u għalhekk spiċċat tiekol’take aways’ biex ma jkolliex tqatta’ ħafna hin fil-kċina tagħha stess.

Qalet ukoll li meta ppruvat tirrikorri għall-għajnuna għand il-Pulizija kienu qalulha li filwaqt li ħa jressqu lil Kenneth Gauci l-Qorti dwar reati ta’ vjolenza domestika. Illi fl-20 ta’ Settembru 2021 qalet li kienet bagħtet ittra legali lil Gauci fejn talbitu formalment biex joħrog mill-fond fi żmien  ijiem inkella tniedi proċeduri ta’ żgumbrament kontrih, izda huwa baqa’ ma għamel xejn.

Qalet ukoll li fid-29 ta’ Settembru 2021 bagħtitlu wkoll ittra uffiċjali  fejn reġgħet wissietu li jekk ma johrogx mill-post  immedjatament kienet sejra titlob mandat ta’ żgumbrament kontrih bl-ispejjeż. L-ittra uffiċjali kienet ġiet notifikata skont il-liġi fit-2 ta’ Novembru 2021 izda  Kenneth Gauci xorta waħda baqa’ m’għamel xejn.

Jgħixu mingħajr titolu validu

L-Imħallef  Joanne Vella Cuschieri kienet iddikjarat fis-sentenza tagħha  li Gauci u ż-żewġ uliedu kienu qiegħdin jgħixu fil-proprjetà tagħha  mingħajr ebda titolu validu fil-liġi u ordnatilhom sabiex jizgumbraw mir-residenza.

Il-Qorti kienet ordnat ukoll lil Gauci u uliedu sabiex jikkonsenjaw iċ-ċavetta lilha u biex iħallsu l-ispejjeż tal-kawża inkluż dawk tal-ittra legali datata u l-ittra uffiċjali.

Kenneth Gauci qiegħed jiċħad li seraq l-ammonti li qed isemmi l-bank – hekk kif inizjalment huwa ammetta li ffroda sitt klijenti…iżda investigazzjoni interna kkonkludiet li kien hemm ħafna aktar.

Allegatament Kenneth Gauci kien japprofitta minn persuni li jew ma kellhomx idea kif jużaw it-teknoloġija jew saħansitra persuni li ma jafux jaqraw u jiktbu…persuni li kienu jafdawh b’għajnejhom magħluqin. Jidher ukoll li fis-sajf tal-2021 Gauci saħansitra kien kiteb e-mail lil kollegi tiegħu fejn skuża ruħu ta’ dak li wettaq – u li kienet ammissjoni fiha nfisha.