Lokali

Fit-2 ta’ Ġunju se ssir it-tielet edizzjoni tal-konferenza ‘L-Istat tan-Nazzjon’

Ritratt: Matthew Tabone

In-nazzjon huwa l-operat li fi ħdanu għandu jsib postu kulħadd. U huwa għalhekk li għat-tielet sena konkekuttiva se terġa’ ssir il-konferenza nazzjonali ‘L-istat tan-nazzjon’… konferenza li tagħti ħarsa lejn kif qed jinbidel il-poplu Malti u Għawdxi filwaqt li joħroġ stħarriġ xjentifiku dwar kif qed tiżviluppa s-soċjetà.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret l-Erbgħa filgħodu fil-Palazz ta’ San Anton, il-President ta’ Malta George Vella qal li huwa importanti li wieħed jifhem li s-sors tal-informazzjoni huwa l-poplu stess. Fejn dan l-istħarriġ huwa eżami oġġettiv tas-sitwazzjoni tal poplu Malti fuq aspetti differenti. 

Saħaq li dan kollu juri proċess ta’ kif qed tinbidel is-soċjetà u d-direzzjoni ta’ fejn sejjer dan in-nazzjon. Dan hekk kif permezz ta’ stħarriġ ta’ dan t-tip wieħed jista’ wkoll jilqa’ għal ċerti trends futuri.

George Vella qal li bla dubju l-ambjent jibqa’ fost l-iktar temi importanti, kif ukoll l-influss tal-barranin u anke kif Malta qed taġixxi fl-isfond tat-taqlib internazzjonali li għaddej madwarna.

Min-naħa tiegħu l-espert tal-istatistika Vincent Marmama qal li dan l-istħarriġ xjentifiku se jkun jista’ jitqabbel mas-snin preċedenti fejn l-interess prinċipali huwa li wieħed iħares iktar fil-fond lejn dawk l-aspetti li jsawru l-opinjonijiet ta-nies.

 

Maramara qal li fl-istħarriġ li sar is-sena li għaddiet ħareġ b’mod ċar li l-inflazzjoni ħalliet impatt fuq il-poplu kollu filwaqt li t-televiżjoni baqa’ l-iktar sors użat biex wieħed isegwi l-aħbarijiet. Apparti dan ħareġ ukoll li l-poplu Malti sar jemmen iktar f’Alla milli jagħti każ ir-reliġjon.

Stħarriġ li wera kemm l-poplu Malti għandu għal qalbu lil pajjiżu u jidentifika lilu nnifsu ma’ dak li huwa Malti. Dan filwaqt li matul l-aħħar snin sar jassoċja ruħu iktar ma’ affarijiet Ewropej.

Il-Konsulent u ko-ordinatur Lou Bondi, spjega kif il-Konferenza Nazzjonali se tkun komposta minn 4 panels li jlaqqgħu fihom kelliema minn kull sfera tas-socjetà bl-għan li d-diskussjoni tkun wahda speċjalizzata u wiesgħa. Hawn se jkunu diskussi diversi temi importanti fuq livell nazzjonali fosthom l-ambjent, ir-reliġjon, il-festi, l-impatt tal-media soċjali, l-influss tal-barranin f’pajjiżna u l-politika b’mod ġenerali.

Fost dawk li se jieħdu sehem f’din il-konferenza se jkun hemm il-President tal-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

Il-pubbliku qed ikun imħeġġeġ biex jattendi għal din il-konferenza. Dan jista’ jsir billi wieħed jirreġistra fuq l-email stattannazzjon@gov.mt.