Sport Sport Ieħor

Ibburdjar: Tliet Champions Ewropej ORC ġodda

Wara postponiment minħabba n-nuqqas ta’riħ fl-aħħar ġurnata tal-Kampjonati Ewropej tal-ORC, l-kumitat tat-tlielaq irnexxilu jorganizza l-aħħar tellieqa għal dawn il-kampjonati. It-TP 52 Beau Geste ta’ Karl Kwok li darbtejn rebaħ il-Kampjonat tad- Dinja ORC, fl-2018 f’The Hague u s-sena l-oħra f’Porto Cervo, rebaħ l-aħħar tellieqa b’vantaġġ ta’ 48 sekonda fuq Blue Sky, biex b’hekk rebħu l-Klassi A.

Fit-tielet post temm it-tim Malti Elusive II, tal-aħwa Maya u Christoph Podesta li spiċċaw 5 punti bogħod mir-rebbieħa tal-klassi, fejn it-tim rebaħ il-Yachting Malta Trophy mogħti lit-tim lokali li kiseb l-aħjar pjazzament f’dawn il-kampjonati.

Fil-Klassi B kien il-jott Unica ta’ Jamie Sammut li kiseb dan l-unur. Fil-Klassi B suċċess għal Be Wild ta’ Renzo Grottesi. Fit-tieni post temm il-jott mill-Estonja ta’ Aivar Tuulberg, Katariina II u fit-tielet post il-jott Pollakk Windwhisper 44 ta’ Marcin Sutkowski.

Fil-Klassi C, ir-rebbieħ tal-kampjonat kien il-jott ta’ Ott Kikkas Sugar 3, qabel il-jott Taljan Scugnizza ta’ Vincezo de Blasio u fit-tielet post il-jott tar-Repubblika Ċeka, Hebe V ta’ Jakoubek Zdenek. Il-Kampjonat Ewropew ORC 2023 kien organizzat mill-Malta Yacht Club u Yachting Malta, u kien attività ewlenija għall-Kunsill Reġjonali tal-Lvant fil-progrogramm ta’ attivitajiet tiegħu bħala Reġjun Ewropew tal-Isport 2023.