Lokali

Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz f’udjenza mal-Papa Franġisku

Kienet żjara memorabbli għal kontinġent ta’ 120 persuna li kien jinkludi l-Banda Vittoriosana San Lawrenz tal-Birgu; banda li fl-aħħar jiem żaret il-kapitali Taljana bħala parti minn Ġita Lawrenzjana illi inkludiet mawra fil-Basilica ta’ San Lorenzo Fuori le Mura, kif ukoll fil-Vatikan.

Fil-fatt, fis-26 t’April li għadda l-Banda Vittoriosana laqgħet lill-Papa Franġisku fi Pjazza San Pietru ghall-Udjenza Ġenerali. Dan filwaqt li esegwiet diversi innijiet u marċi fosthom l-Innu Marċ lil San Lawrenz ta’ Giuseppe Frendo u l-Innu Popolari.

Wara, ġiet ippreżentata s-somma ta’ €6,000 lill-Papa Franġisku, bil-għan li jinxtara strument mediku għall-ittestjar tal-għajnejn … illi ser jintuża fil-Klinika Madre della Misericordia; klinika tal-Papa Frangisku illi fiha t-tobba tiegħu jieħdu ħsieb il-fqar.

Barra minn hekk, fl-24 ta’ April saret żjara fil-Belt ta’ Amaseno, li hija tant magħrufa mal-Lawrenzjani madwar id-dinja, għaliex fiha tinsab ir-relikwa tad-Demm ta’ San Lawrenz.

Imbagħad fil-25 ta’ April fl-okkażjoni tal-Ġurnata Internazzjonali Lawrenzjana l-Banda Vittoriosana esegwiet Programm Mużikali taħt id-direzzjoni tas-Surmast Jonathan Abela fil-pjazza ta’ quddiem il-Bażilika ta’ San Lorenzo Fuori le Mura fejn laqgħet lil diversi rappreżentanti ta’ Komunitajiet Lawrenzjani minn madwar id-dinja kollha.

Din kienet is-sitt mawra tal-Banda Vittoriosana San Lawrenz barra minn pajjiżna.