Lokali Parlament

Il-Gvern ikompli jaħrab mill-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika

Robert Abela u sħabu jagħmlu l-bsaten fir-roti lill-Kumitat, kemm biex jiltaqa’ u anke biex iwettaq xogħlu

Il-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ilu ma jitlaqqa’ minn Novembru li għadda, minkejja t-talbiet ripetuti tal-membri tal-Partit Nazzjonalista f’dan il-Kumitat u d-disponibbiltà tagħhom.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa llum mid-deputati tal-PN Mark Anthony Sammut u Ryan Callus.

Fl-aħħar xhur, kien hemm diversi tentattivi anke mill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti biex jinstab ħin li fih iż-żewġ rappreżentanti tal-Gvern, li huma wkoll membri tal-Kabinett, ikunu jistgħu jattendu.

Fil-fatt, il-membri tal-Partit Nazzjonalista f’dan il-Kumitat talbu f’mill-anqas ħames okkażjonijiet biex dan jitlaqqa’, filwaqt li l-Ispeaker għamel mill-anqas żewġ tentattivi biex tinstab data. Iżda l-membri tal-Gvern fil-Kumitat dejjem qalu li indisposti jew lanqas biss irrispondew.

Il-Partit Nazzjonalista jtennni li dan hu tentattiv ċar ieħor biex Robert Abela u sħabu jipprovaw jaħarbu mill-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika. L-ewwel ħatfu f’idejhom il-proċess tal-ħatra tal-Kummissarju u issa, qed jipprovaw iżommu lill-Kumitat milli jitlaqqa’ biex ma jkunx jista’ jkompli bil-ħidma tiegħu.

Fost id-deċiżjonijiet li dan il-Kumitat baqalu jieħu hemm dik dwar ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, li s-sena li għaddiet kien sab ksur tal-Kodiċi ta’ Etika fis-suppliment li kien ġie ppubblikat fil-gazzetta tal-Labour “Kullħadd” biex ikunu mfakkra għeluq is-sentejn ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru. Dan is-suppliment kien ġie ffinanzjat b’fondi pubbliċi, f’eżempju ieħor ta’ kif Robert Abela qed jiffinanzja lil-Labour minn flus il-poplu Malti u Għawdxi.