Lokali Parlament

Il-gvern m’aġġorna qatt il-politika dwar is-saħħa sesswali sa mill-2010

Graziella Attard Previ, PN

Id-deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ sostniet fil-parlment li l-gvern m’aġġorna qatt il-politika dwar is-saħħa sesswali sa mill-2010.

Fl-Aġġornament tal-parlament Graziella Attard Previ qalet li hu negattiv meta Malta tissemma’ meta l-affarijiet ma jkunux sejrin sew. Bħala eżempju hi trattat is-sitwazzjoni tal-HIV f’Malta fejn fl-2021, Malta kienet dikjarata l-iktar pajjiz li fih kien hemm persuni bl-HIV fl-ammont ta’ 15.9 għal kull 100,000 persuna. Jirriżulta li sa mill-2011 ir-rata ta’ każi ta’ HIV f’Malta irduppjaw. Il-politika dwar is-saħħa sewwali kienet ħarġet fl-2010 u l-PN ilu jinsisti li din il-politika tkun aġġornata. Fil-fatt din il-politika għadha mhix aġġornata.

Hi semmiet is-servizzi tal-GU Clinic u qalet li l-akbar biża’ hi l-infezzjoni tal-HIV minkejja li hemm mard sesswali ieħor li jrid jingħata attenzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-GU Clinic mhix tiffunzjona kif suppost għaliex m’hemmx riżorsi biżżejjed. Rapporti fil-media jindikaw li biex isiru l-appuntamenti fil-GU Clinic hemm stennija ta’ sitt xhur. Dan il-perjdu jista’ jfisser li hemm riskju li l-infezzjonijiet jgħaddu għand numru kbir ta’ nies. Irid ikun ikkunsidrat l-istil ta’ ħajja ta’ diversi nies li jgħażlu ħajja ta’ kuntatti sesswali differenti.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-gvern ilu jwiegħed li se jifrex dawn is-servizzi ta’ saħħa sesswali fil-komunità tant li kien qal li se jinfetħu GU Clinics f’Marsaxlokk u fil-Mellieħa iżda ma jidhirx li dawn il-kliniċi qed jiffunzjonaw.

Id-deputat Nazzjonalista staqsiet jekk hemmx professjonisti biżżejjed f’dan is-settur u fejn se jsiru dawn il-kliniċi waqt li appellat biex is-servizzi eżistenti tal-GU Clinic f’Mater Dei ikunu estiżi.

Hi semmiet il-mediċina PEP u qalet li din il-mediċina mhux tingħata lil kulħadd f’riskju ta’ saħħa sesswali iżda hemm kriterji speċifiċi li jeskludu dawk il-każi fejn ir-rapporti sesswali li jkunu konsenswali. Il-gvern għandu jżomm il-wiegħda elettorali tiegħu li jagħti l-PEP u l-PrEP b’xejn għaliex dawn isalvaw il-ħajja tan-nies.